STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD U D-DRITTIJIET TAL-ANNIMALI Imnedija l-kampanja GENE biex tippromwovi u tiġi mħarsa l-bijodiversità f’pajjiżna
Il-Ministeru għall-Agrikoltura, is-Sajd u d-Drittijiet tal-Annimali nieda l-kampanja GENE li għandha l-għan li tkompli żżid l-għarfien dwar il-preservazzjoni ta' varjetajiet lokali li hija essenzjali biex pajjiżna jibqa' jħares il-wirt agrikolu tiegħu.
Tfakkar li s-sena li għaddiet ġie inawgurat il-Gene Bank fi ħdan id-Direttorat għas-Servizzi ta' Riċerka u Konsulenza, li jikkonsisti f'xogħol ta' ġbir ta' materjal ġenetiku minn għelieqi, ġonna privati u spazji pubbliċi.
Matul dawn l-aħħar xhur, ix-xjenzati bdew bl-ewwel fażijiet li jinkludu t-trattament taż-żrieragħ u materjal ieħor fil-laboratorju, fejn isir tindif speċjali u testijiet sabiex jiġi żgurat li huma tajbin għal ħżin fit-tul. Dan il-proċess jagħti l-assigurazzjoni li l-varjetajiet lokali jkunu protetti u disponibbli għal ġenerazzjonijiet futuri.
Il-Ministru għall-Agrikoltura, is-Sajd u d-Drittijiet tal-Annimali Anton Refalo qal, “Il-Gene Bank mhuwiex biss spazju fejn jinħażnu żrieragħ, iżda garanzija li l-identità agrikola u ekoloġika ta' pajjiżna tibqa' protetta. Qed inħarsu lejn il-futur u niżguraw li l-ġenerazzjonijiet li ġejjin ikollhom riżorsi prezzjużi għar-riċerka, għall-innovazzjoni u għall-iżvilupp sostenibbli. Dan hu pass ċar biex Malta tkun ippreparata għall-isfidi globali fil-qasam tas-sigurtà tal-ikel u l-bijodiversità."
Il-Gene Bank se jkompli jsaħħaħ ir-riċerka xjentifika, joffri opportunitajiet ta' innovazzjoni fl-agrikoltura u jgħin biex jinżamm bilanċ ekoloġiku. Huwa pilastru strateġiku sabiex Malta tiggarantixxi l-bijodiversità u s-sigurtà tal-ikel għall-familji Maltin u Għawdxin.
Other Press Releases:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN