STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI, L-ISPORT, IŻ-ŻGĦAŻAGĦ, IR-RIĊERKA U L-INNOVAZZJONI Imnedija l-edizzjoni ta’ din is-sena tal-Jum Sportiv tal-Iskejjel
Fl-iskejjel kollha ta' Malta u Għawdex bħal kull sena se jsir il-Jum Sportiv tal-Iskejjel li matulu eluf ta' studenti jingħaqdu flimkien f'attivitajiet diversi bil-parteċipazzjoni tal-edukaturi. Dan il-jum huwa organizzat minn SportMalta bħala inizjattiva li permezz tagħha l-iskejjel ingħataw l-opportunità li jkunu parti mill-Jum Sportiv tal-Iskejjel. Din is-sena l-attività se ssir nhar l-Erbgħa, 15 ta' Ottubru.
Din hija attività suċċess kull sena, b'organizzazzjoni ta' attivitajiet sportivi fl-istess jum, kif se jsir ukoll din is-sena.
Apparti jum ta' attività sportiva, din il-ġurnata sservi wkoll biex issir promozzjoni tal-importanza tal-involviment f'attività fiżika fl-iskola lejn stil ta' ħajja aktar b'saħħitha.
“Permezz ta' SportMalta qed nieħdu diversi inizjattivi biex naraw li nħeġġu t-tfal tagħna minn età żgħira ħalli jipparteċipaw fl-isport u l-attività fiżika matul is-sena kollha," qal il-Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni, Clifton Grima, meta llum nieda dan l-avveniment. Huwa kien qiegħed jitkellem fil-Kumpless Sportiv tal-Kottonera fejn saret it-tnedija waqt konferenza li għaliha attendew 40 skola li ħadu sehem fl-edizzjoni tas-sena li għaddiet.
Dawn l-iskejjel illum ingħataw apparat sportiv bħala rikonoxximent tal-parteċipazzjoni tagħhom, biex b'hekk ikompli jissaħħaħ il-livell u l-kwalità tal-edukazzjoni fiżika fl-iskejjel.
“Irridu li s-soċjetà tkun konxja tal-importanza tal-attività fiżika u li tipparteċipa b'mod aktar attiv f'attivitajiet sportivi u fiżiċi. SportMalta għandha diversi inizjattivi marbuta mal-promozzjoni tal-isport u l-attività fiżika, fosthom din l-attività u wkoll il-kampanja #BeActive u l-Ġimgħa Ewropea tal-Isport," qal il-Ministru Grima.
Il-Ministeru għall-Edukazzjoni qiegħed ikompli jinvesti fl-ispazji miftuħa tal-iskejjel bi proġett kontinwu ta' riabilitazzjoni ta' grawnds sportivi, bil-għan li tittejjeb l-infrastruttura sportiva fl-iskejjel tal-Istat kemm għal skopijiet ta' rikreazzjoni kif ukoll biex jitjieb il-livell tal-edukazzjoni sportiva. Dan ix-xogħol qed isir b'mod kontinwu u fl-isfond tal-politika nazzjonali biex tkun indirizzata l-obeżità fost it-tfal u wkoll biex titrawwem kultura sportiva fit-tfal.
Apparti dan, fl-iskejjel li qed jinbnew ġodda u wkoll dawk li qed ikunu modernizzati, qed tingħata importanza lejn l-ambjent ta' barra, biex dan ikun adegwat għall-attività fiżika, komponent importanti mill-kurrikulu fl-iskejjel. Dawn il-miżuri qed jittieħdu flimkien ma' programmi u inizjattivi oħrajn, fosthom b'żieda ta' lezzjonijiet tal-attività fiżika fl-iskejjel.
Fiċ-ċerimonja li saret dalgħodu l-Iskola Sekondarja tal-Kulleġġ Stella Maris ingħatat trofew #BeActive School 2024 bħala l-iktar skola li wriet impenn u dedikazzjoni fl-organizzazzjoni ta' avveniment sportiv fl-edizzjoni tas-sena li għaddiet.
L-applikazzjoni għall-iskejjel biex jipparteċipaw fil-Jum Nazzjonali tal-Isport hija miftuħa.
Other Press Releases:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN