STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U D-DRITTIJIET TAT-TFAL Sapport u indipendenza lil persuni bi sfidi ta’ saħħa mentali
Il-Gvern qed ikompli jsaħħaħ il-ħidma tiegħu ma' entitajiet u NGOs li jaħdmu mill-qrib ma' persuni li għandhom sfidi ta' saħħa mentali.
Dan kien rifless fi ftehim soċjali ieħor li ġie ffirmat bejn il-Ministeru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal, flimkien mal-Fondazzjoni Richmond, sabiex ikompli jingħata s-servizz ta' ħaddiema soċjali lill-klijenti tal-istess Fondazzjoni.
Il-Ministru għall-Politika Soċjali u Drittijiet tat-Tfal Michael Falzon fisser dawn it-tip ta' ftehimiet bħala mezz li jirrikonoxxu r-realtajiet soċjali marbuta mas-saħħa mentali, u li jagħmlu differenza permezz tal-istruttura effettiva tagħhom. “Politika pożittiva hija dik li tagħti tama, kuraġġ u f'każijiet bħal dawn hija mmirata għal dawk in-nies li jistgħu jgħixu f'ambjent indipendenti, mingħajr il-bżonn li jgħixu f'istituzzjoni. Nemmnu bis-sħiħ fl-inklużjoni u għalhekk ser inkomplu ninvestu f'assistenzi bħal dawn," stqarr il-Ministru Michael Falzon.
Dan il-ftehim soċjali, b'investiment t'aktar minn €200,000, ser iwassal sabiex jiżdiedu iktar appartamenti tal-Fondazzjoni li huma akkumpanjati minn servizz ta' ħaddiema soċjali, sabiex isegwu lil dawn il-persuni. Bħalissa hemm aktar minn 30 appartament tal-Fondazzjoni, li fihom qed jgħixu 67 persuna bi sfidi differenti ta' saħħa mentali. F'dawn ir-residenzi tingħata attenzjoni 24 siegħa kuljum, bil-professjonisti soċjali dejjem lesti sabiex jgħinu, speċjalment f'każijiet fejn l-individwu jħossu aġitat u f'diffikultà mentali severa. Il-Fondazzjoni Richmond taħdem fuq pjan ta' kura individwali, li jiġi rivedut regolarment, u mħejji biex jiżgura approċċ olistiku u servizz effettiv.
Intant dan il-Gvern kommess li jkompli jaħdem flimkien ma' entitajiet u NGOs bl-għan ewlieni jkun li jsaħħaħ is-sapport fil-komunità u jagħti tama lil dawk li jkunu għaddejjin minn żmien diffiċli.
Other Press Releases:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN