Left arrow Go Back

Messaġġ mill-Prim Imħallef Mark Chetcuti fl-okkażjoni tal-ftuħ tas-Sena Forensi, illum 1 ta’ Ottubru, 2025

pr251695
Date Icon 01/10/2025

Din is-sena ser nibda d-diskors tiegħi billi ser nieħu spunt mid-diskors li qasam magħna l-Imħallef Toni Abela fid-diskors tal-għeluq tas-servizz tiegħu f'dawn il-qrati. Qabel nidħol għas-sustanza, f'ismi u f'isem il-ġudikatura nsellem lill-Imħallfin Toni Abela u Anna Feliċe li rtiraw bl-età mill-bank tal-ġudikatura. Insellem ukoll lill-Maġistrat Ian Farrugia li għal raġunijiet purament personali kellu jtemm il-kariga tiegħu ta' ġudikant.

Niftakar li fil-ftuħ tas-sena forensi tas-sena 2022 kont tkellimt dwar ir-rilevanza fiż-żminijietna tad-distinzjoni fil-ġudikatura bejn Imħallfin u Maġistrati. Lil hinn mill-kwistjonijiet dwar protokoll jew ġerarkija bejn il-ġudikanti, illum il-volum, firxa, komplessità, is-serjetà legali u l-konsegwenzi ta' sentenzi u pieni mnissla mill-Qorti tal-Maġistrati f'kawżi jew proċeduri li niltaqgħu magħhom ta' kuljum jagħmel id-distinzjoni x'aktarx anakronistika u ħafna drabi qed isservi ta' tfixkil jew dewmien żejjed għal soluzzjoni ta' problemi loġistiċi fl-amministrazzjoni tal-ġustizzja kif ukoll dawk ta' natura legali kemm proċedurali u sostantivi. Hu minnu li tibdil ta' din ix-xorta jirrikjedi ħafna ħsieb u tibdil fil-liġijiet, uħud ta' natura kożmetika iżda wkoll f'ċerti sferi ta' liġi tibdil ta' sustanza anki f'dak li hu kompetenzi tal-Qrati kif nafuhom bħalissa. Tirrikjedi wkoll xi tibdil fil-Kostituzzjoni ta' Malta. Madankollu nemmen li dan it-tibdil, sa ċertu punt radikali, fil-qafas tiegħu ser jiftaħ bieb ta' flessibbiltà u għarfien  fil-mansjonijiet u kompetenzi tar-riżorsi umani li għandna fil-ġudikatura. Ġudikatura li dejjem tikber fin-numru għax hekk jeħtieġ, u dejjem aktar meħtieġ għal speċjalizzazzjoni f'materji legali li ftit snin ilu lanqas konna noħolmu bihom. Hemm Maġistrati li għandhom kompetenza f'materji li minħabba d-distinzjoni fil-kompetenza bejn Maġistrat u Imħallef ma jistgħux jiġu assenjati fi proċeduri li jridu jsiru quddiem Imħallef. Niltaqgħu  ma' sitwazzjonijiet fejn għal żmien partikolari jkun jeħtieġ aktar ġudikanti b'assenjazzjoni f'materji partikolari jew għax il-pressjoni fuq kompetenzi ta' Qorti tiżdied u ma tistax tuża r-riżorsi disponibbli minħabba preċiżament din id-distinzjoni fil-kompetenza. Naf li mhix ħaġa faċli li tbiddel sistema u mentalità eżistenti għall-mod kif jaħdmu l-Qrati u l-użu tar-riżorsi speċjalment l-assenjazzjonijiet tal-ġudikanti, iżda jien konvint li bl-għaqal u b'kawtela u bil-koperazzjoni ta' kull min hu involut fis-sistema ġudizzjarja, il-Parlament għandu jixtarr b'serjeta' din il-proposta u jekk tirriżulta fattibbli u fil-prattika ser tgħin biex iżżid l-effiċjenza fil-Qorti u użu aktar wiesa' u flessibli tar-riżorsa primarja, li hi l-ġudikatura, kif nemmen jien, din għandha ssir.

Ladarba semmejt il-bżonn tal-adeżjoni tal-Parlament dwar din il-materja li trid bilfors issib qbil fil-prinċipju u l-prattika, fi djalogu miftuħ u sinċier u fejn l-arti tal-kompromess twassal għal soluzzjoni, ma nistax ma nurix id-dispjaċir personali tiegħi għal dak li seħħ ftit xhur ilu. Il-Gvern ressaq diversi emendi kostituzzjonali, li ħlief għal emenda waħda li ġiet approvata b'maġġoranza sempliċi, il-bqija tal-emendi ma sabux il-kunsens taż-żewġ terzi tal-membri tal-Kamra tar-Rappreżentanti biex dawn l-emendi jsiru liġi u jidħlu fis-seħħ. Ser inkun ċar ħafna f'dak li ser ngħid biex ma niġix interpretat ħażin u ser ngħidu bl-ikbar rispett lejn is-setgħat u prerogattivi tal-Parlament Malti li hu l-ogħla organu istituzzjonali fil-pajjiż. Jien m'iniex bl-ebda mod ser nagħti xi fehma jew agħar minn hekk, ġudizzju fuq dak li seħħ u r-raġunijiet li waslu għalih. M'iniex lanqas ser nitkellem dwar l-emendi kollha proposti iżda biss ser nirreferi għal dawk l-emendi li ġew xprunati minn diskorsi oħra preċedenti tiegħi fil-ftuħ tas-sena forensi fejn proponejt diversi miżuri ta' bżonn li setgħu jtejbu s-sistema ġudizzjarja kemm fl-effiċjenża u kemm fi trasparenza.

Qed nirreferi fl-ewwel lok għaż-żieda kbira f'dawn l-aħħar snin ta' kawżi kostituzzjonali u b'konsegwenza ta' dan, l-appelli kostituzzjonali żdiedu mhux bl-għexieren iżda bil-mijiet. Bl-emendi li saru fl-2021 s-sezzjonijiet tal-Qorti tal-Appell Ċivili u Kummerċjali żdiedu għal erbgħa u din flimkien mal-emendi proċedurali maqbula miż-żewġ naħat tal-Kamra tar-Rappreżentanti għamlet ħafna differenza għat-tqassim tal-appelli, fost emendi oħra konnessi, biex l-għoti ta' sentenzi jsir fi żmien aktar raġonevoli anzi ngħid fi żmien ta' xhur minn mindu jagħlqu l-proċeduri bil-miktub. Inkun qed nonqos jekk nagħti l-mertu biss għall-għodda approvata mill-Parlament. Il-ġieh ma niħdux jien imma jmur lejn il-membri kollha tal-Qorti tal-Appell li ħadmu u jaħdmu bla heda u b'dedikazzjoni biex inżommu dan il-livell u din l-effiċjenża bla ma tonqos il-kwalità. Madankollu l-Qorti Kostituzzjonali hi magħmula minn sezzjoni waħda biss minn dawn l-erbgħa. Il-volum ta' appelli hu kbir wisq biex tlaħħaq miegħu sezzjoni waħda iżda ma nistax bis-setgħa li għandi llum nassenja appelli kostituzzjonali lis-sezzjonijiet l-oħra kif isir fl-appelli ċivili u kummerċjali. Dan hu frott klawsola partikolari fil-Kostituzzjoni li ma ssemmix li jista' jkun hemm aktar minn sezzjoni waħda tal-Qorti Kostituzzjonali. Din il-klawsola saret fi żmien meta l-appelli kostituzzjonali kont tgħoddhom fuq subgħajk. Għalkemm ili sentejn li pubblikament tkellimt fuq din is-sitwazzjoni, u għalkemm is-sezzjoni li tisma' l-appelli kostituzzjonali ftit li xejn tagħmel appelli ċivili u kummerċjali kif kien isir sa ftit żmien ilu, il-volum ta' l-fuq minn 300 appell kostituzzjonali pendenti u oħrajn ġodda deħlin kontinwament ma jistax jiġi assorbit minn sezzjoni waħda bl-ammonti dejjem jiżdiedu minn sena għal oħra. L-emenda proposta mill-Gvern kellha tneħħi l-pressjoni minn fuq sezzjoni waħda biex isir tqassim fuq is- sezzjonijiet l-oħra tal-Qorti tal-Appell u hekk il-volum li hemm bħalissa jitnaqqas konsiderevolment. Wara kollox parti kbira minn dawn l-appelli huma konnessi mal-kawżi dwar il-kirjiet baxxi u ċ-ċnus. Ma ninsewx li qed nitkellem fuq l-ogħla Qorti fil-pajjiż fejn qed inqisu u niddeċiedu kwistjonijiet dwar id-drittijiet fundamentali tal-bniedem. Dewmien f'kull każ mhux aċċettabbli iżda f'każijiet ta' din in-natura l-konsegwenzi umani huma ta' natura ferm akbar biex ma nsemmix il-ħsara lir-reputazzjoni tal-Qrati tagħna u tal-Istat.

Suġġett ieħor li wkoll tkellimt fuqu f'diskorsi oħra tas-sena forensi kien il-ħtieġa ta' Kummissarju għall-Istandards tal-Ġudikatura biex il-ġudikatura tidher aktar trasparenti u kontabbli. L-iskop, almenu fil-ħsieb tiegħi, kien li din il-persuna magħżula għal dan is-servizz delikat u importanti tkun fl-ewwel lok ta' għajnuna fil-mansjonijiet amministrattivi tal-Prim Imħallef biex ikollu viżjoni ta' dak li qed iseħħ fost il-ġudikatura fil-qadi ta' dmirijiethom u fejn jinstab il-bżonn ta' għajnuna jew aġġustamenti jew kjarifika minn xi membru tal-ġudikatura din tista' ssir b'mod informat u fl-istess ħin informali u seren u jinstab rimedju għal sitwazzjonijiet li ħafna drabi l-ġudikant ma jirnexxilux isib kontroll tagħhom mhux bi ħtija tiegħu. Sfiq ma' dan il-ħsieb il-funzjoni tal-Kummissarju hija wkoll filtru biex jiġu kunsidrati b'aktar dettall kull tħassib li jitressaq dwar kull ġudikant qabel ma jsir ebda rapport li fuqu l-Prim Imħallef u/jew il-Ministru tal-Ġustizzja għandhom is-setgħa bil-Kostituzzjoni li jmexxu għall-iskrutinju tal-Kummissjoni għall-Amministrazzjoni tal-Ġustizzja. Kif dejjem sostnejt, dan id-dmir qabel kien jaqa' direttament f'ħoġor il-Prim Imħallef u/jew il-Ministru malli jsir l-ilment. Il-ħatra tal-Kummissarju għall-Istandards jikkrea dak il-pont ta' lqugħ neċessarju biex jiġu mistħarrġa sew u b'dettall dak kollu li jista' ma jkunx qed jidher miexi kif imiss fil-ġudikatura individwalment u kollettivament. Dan ikun qed isir b'aktar trasparenza u b'impenn dirett tal-persuna magħżula biex tassigura ġbir korrett u approfondit tal-fatti kollha xprunati minn kull kweżit u ilment qabel ma jsir rapport li fuqu jridu jieħdu deċiżjoni infurmata kif imiss il-Prim Imħallef u/jew il-Ministru tal-Ġustizzja. Din mhix xabla fuq ras il-ġudikatura iżda għodda għall-għajnuna diretta lill-Prim Imħallef fl-amministrazzjoni tal-ġudikatura u biex jiġi assikurat li l-ġudikatura verament qed taqdi d-doveri tagħha bla ebda distinżjoni jew perċezzjoni ta' preferenza bejn ġudikant jew ieħor jew sens falz ta' immunità minn kull kontabbiltà. Din wara kollox hi parti integrali mis-servizz fil-ħajja pubblika u ma għandha tagħti ebda sens ta' apprensjoni jew tiġi meqjusa bħala xi forma ta' theddid fuq l-indipendenza tal-ġudikatura għal min dejjem jaqdi dmiru kif trid il-Kostituzzjoni. L-għażla ta' dan il-Kummissarju hi fdata f'idejn il-Kummissjoni għall-Amministrazzjoni tal-Ġustizzja li fl-għażla tagħha trid fil-fehma tiegħi tiżen sew min ser jokkupa l-kariga skont ma jipprovdu l-emendi, u aktar importanti l-karatteristiċi neċessarji u indispensabbli ta' perċezzjoni ċara ta' indipendenza, integrità, kapaċità professjonali u dik il-korrettezza fil-komportament u  fl-għemil, indispensabbli biex il-pubbliku jkollu fiduċja li din ir-riforma jkollha suċċess u tidher li hi verament newtrali, imbegħda minn kull ħsieb jekk mhux dik fl-aqwa interess għall-amministrazzjoni retta tal-ġustizzja. Hi l-fehma tiegħi li dawn l-emendi ma jilħqux l-iskop kollu wara din ir-riforma.

Jiddispjaċini illi żewġ tibdiliet kostituzzjonali li fin-natura tagħhom huma rilevanti esklussivament għal dik il-parti tal-Kostituzzjoni li tirrigwarda l-ġudikatura u l-qasam tal-ġustizzja ma sabitx l-impenn sħiħ tal-Parlament kif mistenni u mixtieq, billi wara li jkun hemm diskussjoni serja u informata u fejn hemm bżonn tibdil u emendi neċessarji jekk jeħtieġ, ikollha t-timbru tal-approvazzjoni tal-Parlament kif jixraq għal riformi sensittivi iżda ta' sustanza li jmissu l-Kostituzzjoni.

Mingħajr ma nkun prużuntuż jew b'xi mod nidher li qed nindaħal fl-operat tal-Parlament billi l-mansjoni prinċipali tal-ġudikatura hi l-applikazzjoni u interpretazzjoni tal-liġijiet fid-dawl tal-Kostituzzjoni ta' Malta u liġijiet Ewropej, u mhux l-approvazzjoni jew diżapprovazzjoni tal-liġijiet, nitlob lir-rappreżentanti tal-Parlament li almenu dawn l-emendi li għadni kif semmejt isibu triq ġdida ta' djalogu miftuħ biex jerġgħu jiġu diskussi u fejn hu meħtieġ bl-arti tal-persważjoni u kompromess anki jsiru aġġustamenti meħtieġa li l-Parlament jidhirlu, jekk ikun il-każ, neċessarji biex dak li jien, flimkien mal-Assoċjazzjoni tal-Imħallfin u Maġistrati qisna bħala bżonnjużi għall-effiċjenza u aktar trasparenza fil-Qrati jsibu l-kunsens u l-approvazzjoni tal-Parlament sħiħ. Kunu konxji li dawn l-emendi mhux qed jitqiesu li ser inaqqsu mill-piż tal-ġudikatura iżda jżiduh u jitfgħu aktar responsabbiltà' fuqna. Għinuna nipprovdu dan is-servizz kif jixraq lil pajjiżna għaliex Qorti effiċjenti, trasparenti, indipendenti u integra ma tistax tagħmel ħlief ġid lill-pajjiż.

Ma jien nagħmel ser ebda osservazzjoni għall-emendi kostituzzjonali l-oħra proposti li ma għaddewx mill-Parlament billi jien qatt ma aċċennajt għalihom f'ebda diskors tas-sena forensi u huma prerogattiva assoluta tal-Parlament mhux tal-ġudikatura.

Nibdel it-tema tad-diskors. F'Awwissu ħarġet sejħa sabiex jiġu maħtura żewġ Imħallfin flok it-tnejn li spiċċaw fl-aħħar ta' Ġunju u bidu ta' Lulju ta' din is-sena. Magħhom ħarġet sejħa għal żewġ Maġistrati wieħed biex jissostitwixxi Maġistrat li temm il-kariga u ieħor biex inkun nista' nassenjalu dmirijiet kif meħtieġ. Din is-sejħa tal-Imħallfin saret xi żmien wara t-tmiem tas-servizz taż-żewġ ġudikanti li tterminaw is-servizz. Ma saritx qabel kif kienet saret il-prassi b'tant loġika siewja sabiex ikun hemm kontinwazzjoni tal-operat tal-awla bla xkiel jew tfixkil. Mhux il-kompitu tal-ġudikatura li tikkummenta dwar ir-raġuni wara tali deċiżjoni iżda hi faċilment deżumibbli miċ-ċirkostanzi li seħħew fl-aħħar xhur u għalhekk min irid jifhem ma jeħtieġ ebda spjegazzjoni. Qed ngħid dan għax ċirkostanzi bħal dawn juru kemm kull min għandu funzjoni pubblika, jrid jixtarr il-konsegwenzi kultant negattivi tal-għemil tiegħu qabel tittieħed kwalsiasi deċiżjoni li jista' jkollha s-sens tagħha meħuda f'iżolament iżda fil-kuntest tas-sitwazzjoni u l-konsegwenzi tagħha tkun deċiżjoni mhux għaqlija daqskemm wieħed kien jaħseb. Biżżejjed ngħid li hemm 'il fuq minn 800 kawża weqfin għax ma setgħux jiġu assenjati qabel ma jkun hemm sostituti għall-Imħallfin li spiċċaw. In kwantu għal sejħa ta' Maġistrat żejjed nirringrazzja lil Ministru li laqa' l-fehma tiegħi li l-ispeċjalizzazzjoni għandha ssir ukoll fil-Qorti tal-Maġistrati biex nisseparaw il-mansjonijiet ċivili fil-maġistratura minn dawk kriminali. Kif qed nirreferi għas-sejħa li bħalissa għadha mhix mitmuma, niġbed l-attenzjoni, għalkemm naf li dan tafuh, li fi żmien tliet xhur ser jispiċċaw tliet Imħallfin mis-sebgħa li jikkomponu l-Qorti tal-Appell. Nittama li din is-sitwazzjoni diffiċli issib soluzzjoni matura u bla dewmien biex il-Qorti tal-Appell ma tbatix minn dewmien fil-kontinwità mistennija fil-qadi tad-dmirijiet tagħha u dak li ntlaħaq f'dawn l-aħħar snin isib xkiel bla bżonn.

Ladarba semmejt il-maġistratura f'kuntest ieħor nixtieq li nerġa' nsemmi l-emendi li kellhom jiddaħħlu fil-proċeduri kriminali konnessi mal-kompilazzjonijiet. L-iskop warajhom hu sabiex jitħaffu l-proċeduri u jonqos id-dewmien biex isir ġudizzju finali. Dan hu kollu tajjeb meqjusa sew is-sustanza tar-riformi fil-kamp kriminali u l-bżonn daqstant importanti li ssir ġustizzja mal-akkużat u l-vittma u/jew il-familjari tagħhom fi żmien raġonevoli b'mod trasparenti u b'ħarsien sħiħ lejn il-proċedura, il-liġi u d-drittijiet tal-bniedem. Iżda bħal kull ħaġa oħra jrid jittieħed kont ukoll tar-riżorsi li ser jinħtieġ biex iseħħ bla skossi dan it-tibdil. Lil hinn mid-dettalji legali hu importanti l-konsegwenza tat-tqassir tat-terminu li ser iwassal għal numru sostanzjali ta' proċeduri kriminali li jew ser jiġu deċiżi fil-mertu mill-Qrati tal-Maġistratura stess u/jew mill-Qrati Kriminali. Filwaqt li l-maġistratura naqsilha mid-dmirijiet li kellha bħala Qorti Inkwirenti billi llum hemm Maġistrati li d-dmirijiet tagħhom huma biss bħala Maġistrati Inkwirenti, il-Qorti Kriminali diġa' qed tħabbat wiċċha ma' sitwazzjoni fejn l-ammont ta' ġurijiet żdiedu konsiderevolment. L-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali ġie msaħħaħ b'numru tajjeb ta' avukati filwaqt li l-Qorti Kriminali baqgħet komposta biss minn erba' Imħallfin li apparti l-ġurijiet, iridu jqisu wkoll l-appelli kollha tal-Qrati Inferjuri u dawk Superjuri u ammont ta' talbiet u rikorsi konnessi ma' proċeduri miftuħa jew magħluqa li jirrikjedu bil-liġi li jinstemgħu minnhom. Riformi fil-liġi bla mal-Qorti tkun imsaħħa minn qabel biex tilqa' għaż-żieda inevitabbli ta' kawżi, appelli u ġurijiet kriminali, jintilef l-iskop tas-siwi tal-emendi. L-Imħallfin li jpoġġu fil-Qrati Kriminali fil-fehma tiegħi għandhom minnufih jinqasmu fi tnejn, tliet Imħallfin jisimgħu biss ġurijiet billi diġà hemm 'il fuq minn 100 ġuri jistenna li jiġi appuntat u tliet Imħallfin biex jisimgħu l-appelli kollha inferjuri u kull kwistjoni oħra relatata ma' proċeduri kriminali li jridu jiġu deċiżi mill-Qorti Kriminali. Din tfisser żieda ta' żewġ Imħallfin oħra ma' dawk preżenti. Għalkemm din ser toħloq problema ta' staffing u spazju, infurmat illi l-amministrazzjoni tal-Qorti diġa' qed toħloq xi spazji utli fil-Qorti stess u wkoll hemm binja wara l-Qorti li qed tiġi konvertita għall-użu esklussiv tal-Qorti Kriminali, b'awli u uffiċini denji kemm għall-ġudikatura u l-ħaddiema, u n-nies li jiffrekwentaw il-Qorti. Hawn ukoll irrid nuri l-apprezzament lejn il-Ministru tal-Ġustizzja u l-amministrazzjoni tal-Qorti li qed jagħmlu ħilithom biex jimmaterjalizza dan il-proġett kemm jista' jkun bla dewmien.

Kif diġà ngħad il-maġistratura għandha sezzjoni li tiffoka biss fuq inkjesti maġisterjali komposta minn erba' Maġistrati u l-fatti qed juru li kienet triq għaqlija u li ssarfet fi frott fejn l-inkjesti kollha inkluż dawk antiki qed jiġu proċessati mill-Maġistrati Inkwirenti b'riżultat pożittiv għal dak li hu għeluq tal-inkjesti mingħajr dewmien bla bżonn tenut kont ukoll l-emendi li saru dan l-aħħar. F'Settembru li għadda ġiet inawgurata l-binja fiċ-ċentru tal-Belt li fiha qed joperaw l-inkwirenti mgħammra mhux biss b'dak kollu ta' bżonn għall-ħidma tagħhom f'ambjent dinjituż għalihom u għall-ħaddiema li jaħdmu f'dan il-qasam iżda wkoll għandha ir-reġistru tagħha fl-istess binja biex ma jkunx hemm aktar pressjoni fuq ir-reġistru tal-Qorti fil-binja tal-Qorti. Dejjem hi l-fehma tiegħi li sa fejn possibli din hi t-triq li għandha tittieħed biex il-Qrati jkollhom aktar effiċjenża għax iffukati biss fuq dak li hi l-assenjażżjoni partikolari u kemm is-suċċess jew in-nuqqas fl-eżekuzzjoni tal-mansjoniijet jiġi attribwit direttament għal din is-sezzjoni partikolari. Il-pass li jmiss hu li l-Maġistratura Inkwirenti jkollha esperti impjegati full-time magħha, bħal tobba, inġiniera, avukati, persuni mħarrġa fit-teknoloġija informatika u fl-intelliġenza informatika, u periti arkitetti speċjalizzati fil-materja relatata mal-inkjesti.

Din il-binja li semmejt hi kbira u hemm spazju ulterjuri li jista' jiġi utilizzat u wara konsultazzjoni mal-amministrazzjoni tal-Qorti u l-Ministru tal-Ġustizzja, hemm qbil ukoll li din il-binja ser tilqa' l-Qorti ta' Ġurisdizzjoni Volontarja kif ukoll il-Qorti għal Reviżjoni tal-Atti Notarili, żewġ sezzjonijiet li jistgħu jitħaddmu b'faċilità minn ambjent ieħor mhux fejn jinsabu llum. Bħalissa l-Qorti ta' Ġurisdizzjoni Volontarja qed tokkupa parti mill-ispazju tal-Qorti tal-Familja u il-Qorti għar-Revizjoni tal Atti Notarili qed jokkupa parti mill-Qrati prinċipali. Għalkemm il-Qorti għar-Reviżjoni tal Atti Notarili jitmexxa min Imħallef irtirat appuntat għal dan l-iskop ma jistax jingħad l-istess għal Qorti ta' Ġurisdizzjoni Volontarja. Diġà tkellimt dwar dan f'diskorsi oħra u ser nerġa' nitlob lil Ministru tal-Ġustizzja jikkonsidra bl-akbar serjetà' li jkun hemm Imħallef appuntat biex imexxi l-Qorti ta' Ġurisdizzjoni Volontarja. Mhux qed ngħid dan b'kapriċċ iżda l-volum ta' xogħol li jidħol f'din il-Qorti hu wieħed kontinwu u mdaqqas sew b'xejn inqas minn xi elf rikors fis-sena fuq diversi kwistjonijiet uħud ta' natura sensittiva u li jeħtieġu ħafna ħin u ħsieb, bħal adozzjonijiet, kuraziji f'varji proċeduri, suċċessjonijiet, speċjalment dawk b'xejra internazzjonali, trusts u foundations. Dan ix-xogħol kollu bħalissa qed jintrefa' minn tliet Imħallfin, tnejn fil-Qorti Ċivili u ieħor fil-Qorti Kriminali li jridu jlaħħqu mal-volum ta' xogħol assenjat lilhom normalment b'żieda ma' din l-assenjazzjoni. Is-sejħa għall-ħatra ta' Imħallef għal din l-assenjazzjoni speċjalizzata tneħħi piż mill-Qorti ordinarja u tiftaħ it-triq biex din il-Qorti wkoll issir waħda speċjalizzata f'binja diġa' mgħammra bir-reġistru u l-ħaddiema tagħha. Ma hemmx raġuni loġika għaliex dan ma għandux iseħħ u diġa' għandna l-eżempju ċar kemm jagħmel aktar sens loġistiku u prattiku b'żieda fl-effiċjenża meta l-Qrati jkunu speċjalizzati u b'impjegati ffukati fuq qasam wieħed legali. Dan qed ngħidu b'referenza għal Maġistratura Inkwirenti u l-Prim Awla Sezzjoni Kummerċjali li t-tnejn qed jagħtu servizz siewi, f'waqtu u dixxiplinat. Nittama li l-emendi tal-Qorti tal-Kummerċ isiru liġi f'qasir żmien u l-Qorti tal-Kummerċ ma ddumx ma taħdem b'mod awtonomu minn binja fil-Belt fejn qed tiġi restawrata u mgħammra għal dan l-iskop u b'sodisfazzjon ngħid bil-koperazzjoni tal-ammnistrazzjoni tal-Qorti flimkien mal-Imħallfin li jpoġġu fil-Qorti tal-Kummerċ.

Il-Qorti Ċivili fil-vesti superjuri tagħha għadha qed tippreżenta sfida li mhux faċli ssolviha. Għalkemm sas-sena l-oħra bin-numru ta' għaxar Imħallfin f'din il-Qorti, irnexxili nqassam l-ammont ta' kawżi bejn l-Imħallfin għal ċirca 450 ir-ras, għalkemm kien hemm eċċeżżjonijiet fejn xi Imħallfin ma kellhomx aktar minn 300 kawża pendenti u dan ngħidu li hu bil-ħila u mertu tagħhom, hu ċar illi l-problema b'daqshekk ma ssolvietx fis-sens illi ġustizzja fi żmien raġonevoli ma jintlaħaqx. Jekk tara l-istatistika jirriżulta li l-maġġoranża assoluta baqgħu jġorru mal-500 kawża kull wieħed u wħud reġgħu qabżuhom. Jidħlu medja ta' l-fuq minn 2,400 kawża fis-sena maqsuma xi 200 lil kull Imħallef. Dawn huma kawżi ċivili, amministrattivi u dawk kostitużżjonali. Dan bil-fors qiegħed u ser ikompli jwassal għal dewmien fis-smigħ tal-kawżi u l-għoti tas-sentenża. Fejn hu allura l-għerq għal dan in-nuqqas li jirrifletti b'mod negattiv fuqna lkoll bħala ġudikanti? Mhux biżżejjed li ngħidu li sejrin tajjeb f'sezzjoni waħda jew aktar għax nuqqas f'Qorti waħda tirrifletti fuqna lkoll kif nuqqas ta' dmir kif imiss minn ġudikant jirrifletti fuq il-korp ġudiżjarju kolleġġjali.

Min iservi ta' ġudikant fil-Prim Awla tal-Qorti Ċivili kif wara kollox kont jien sa ftit snin ilu jaf li biex ikun tassew effiċjenti jrid jerfa' ammont ta' kawżi li jista' jlaħħaq magħhom b'mod li l-ġustizzja issir fi żmien raġonevoli u żmien raġonevoli ifisser mhux aktar minn sentejn, ħlief għal raġunijet serji u eċċezzjonali. Fuq dan diġa' hemm falliment. Imħallef b'assenjazzjoni ta' ħames mitt kawża u b'mitejn kawża deħlin kull sena mhux ser ilaħħaq dan kollu fi żmien raġonevoli. Ngħidu x'ngħidu, Imħallef ma għandux biżżejjed ħin u mezzi biex jiddeċiedi aktar minn 150 sa 200 kawża fis-sena. Madankollu din il-problema tintrabat ukoll ma' kemm il-ġudikant jaghraf jamministra sew il-portafoll ta' kawżi u l-għajnuna fi staffing mgħallem u b'ħeġġa għax-xogħol li jkollu miegħu. L-Imħallef irid ikun mhux biss preparat legalment iżda jrid ukoll jamministra sew b'diliġenza u b'impenn mistenni, il-kawżi li jiġu quddiemu. Il-proċedura ċivili u kummerċjali bin-nuqqasijiet tagħha xorta għandha għodda li użata fil-qies li jmiss tagħti riżultati li jwasslu għal amministrazzjoni u konklużjoni ta' kawżi b'effiċjenza. Jidher li hemm ġudikanti li jafu jużaw riga ġusta bejn ġustizzja f'waqtha u kawta iżda b'effiċjenża. Dan joħroġ mir-riżultati ta' kull ġudikant, li apparti 'staff' assenjat miegħu għandu wkoll l-assistenza ta' court attorney biex jgħinu fl-abbozzar ta' sentenzi jew tfittxija ta' ġurisprudenza skont il-kaz. Din l-għodda għalkemm ta' min jistrieħ fuqha, iżda ma nistgħux bħala ġudikanti, inħalluha tmexxina hi. Aħna rridu nkunu t-tmun għat-tmexxija tax-xogħol afdat lilna mhux biss bl-ordnijiet u direttivi mogħtija iżda bl-eżempju tal-fatt. Jekk irridu min jgħinna fis-servizz li obbligati nagħtu rridu l-ewwel immiddu idejna bis-sħiħ għax-xogħol aħna wkoll. Irrid pero' nammetti li jeħtieġ studju dettaljat li sa issa ma sarx sabiex wieħed jara jistax isir tqassim aħjar tal-materji tal-kawżi li jersqu quddiem il-Prim Awla li għandu jgħin għal tqassim aktar bilanċjat tal-kawżi bejn l-Imħallfin kif ukoll streamlining. Għandu wkoll jitqies jekk wasalx iż-żmien li nagħżlu mudell wieħed ċar kif jitmexxew il-kawżi u mhux jiġi afdat f'idejn il-ġudikant waħdu li jqis hu l-aħjar mod kif imexxi l-kawża. Li tmexxi l-awla hi l-prerogattiva tal-ġudikant iżda l-mod u manjiera kif jitmexxew kawżi hi ħaġa oħra. Dan iwassal għal aktar kjarezza u ċertezza għal min jersaq fil-Qorti u għall-avukatura. Dan mhux kliem faċli imma kellu u għandu jingħad. Kulħadd, kemm il-Parlament, il-Gvern, l-amministrazzjoni tal-Qorti u l-ġudikatura jridu jerfgħu l-piz tas-servizz afdat biex dak li jrid juġġudika jkollu l-għodda f'idejh bla tfixkil. Is-sejħa għall-ġudikatura mhux xi privileġġ għalkemm għandha l-kumpens ġust tagħha kemm monetarju u personali. Imma l-veru milja tas-sejħa għal ġudikatura  hi meta verament inkunu qed noffru ħilitna b'kemm nifilħu u kultant aktar milli nifilħu biex nagħmlu ġustizzja skont il-liġi. Dan hu dmir tagħna li mill-ewwel sal-aħħar ġurnata f'dan is-servizz ma nfittixux il-kumdita' jew l-aptit jew ninħbew wara nuqqasijiet li nafu li hemm, iżda inwettqu s-servizz bl-aħjar mod bl-għodda li għandna għax hekk mistenni mis-soċjeta' u l-pożizzjoni li nokkupaw. Minix ngħid li biex inlaħħqu aktar, il-ġustizzja trid issir b'mod mgħaġġel, iżda lanqas irrid ngħid li t-tul żejjed fil-proċeduri hi biss ħtija ta' ħaddieħor. Meta tqis dawn il-fatturi kollha l-konklużjoni hi waħda, ċjoe' li l-ammont ta' kawżi deħlin kull sena meqjus ukoll il-komplessita' u diversita tagħhom, kif ukoll il-volum pendenti jeħtieġ bla dubju żieda fil-ġudikatura biex jitnaqqas b'mod sostanzjali  u immedjat il-volum tal-kawżi pendenti u sfiq magħha soluzzjoni għal tqassim u tmexxija aħjar u aktar ċara tal-vertenzi li jidħlu, u kontroll aktar strett mill-ġudikanti u fuq l-operat tal-ġudikanti, biex fejn hemm nuqqasijiet jiġu indirizzati bid-diversi modi li tipprovdi l-liġi. Qatt ma kien u qatt ma għandu jkun li l-ġudikatura hi xi rigal jew benefiċċju mogħti bi pjaċir iżda rikonoxximent għall-abilita' murija lil persuna magħżula bħala ġudikant li titfa' fuqna l-piż u r-responsabbilta' kollha li ġġib magħha tali kariga.

Indur għaI Qorti tal-Familja kemm fl-aspetti ċivili u dawk ta' xejra kriminali li tippreżenta diversi fatturi komplessi u dan għaliex hawn qed nitrattaw kawżi purament ta' relazzjonijiet personali ta' koppja u wlied bil-kumplikazzjonijiet legali li ż-żminijiet tal-lum u s-soċjeta' kif trasformat ruħha qed ikollna naffrontaw b'żieda ma' liġijiet biex jirregolaw varji sitwazzjonijiet li qabel jew ma kinux jeżistu jew jekk jeżistu ma kinux jissemmew u għalhekk mhux regolati għal diversi raġunijiet. Bħalissa hemm konsultazzjonijiet għaddejja fuq liġi ġdida tal-familja biex tirregola aħjar il-proċeduri konnessi ma' kwistjonijiet ta' din in-natura. Madankollu ta' min igħid li bil-piz kollu mitfugħ fuq din il-Qorti kemm fl-aspetti ċivili u dawk ta' natura kriminali, il-ġudikanti f'dawn id-diversi sezzjonijiet ta' din il-Qorti qed jagħmlu l-almu tagħhom biex imexxu l-kwistjonijiet għal tmiemhom fi żmien raġonevoli. Ma rridux ninsew li din mhix Qorti bħal kull Qorti oħra. L-element uman, soġġettiv, personali u intimu jispikka fuq kollox f'dawn il-kawżi u l-ġudikanti li jisimgħu dawn il-proċeduri huma mgħobbija b'dover li mhux biss japplikaw il-liġi iżda jfittxu s-sew u l-aħjar b'ħafna dixxerniment u umanita' għaċ-ċirkostanżi tal-każ li jkollhom quddiemhom speċjalment fejn hemm it-tfal. Altru milli kompitu faċli u hemm lok fejn il-proċeduri kif ukoll l-għajnuna esperta u speċjalizzata biex il-ġudikant jasal għal fehmiet u deċiżjonijiet provviżorji jew deċiżivi tkun aktar fejjieda imma mhux f'waqtu li nidħol f'aktar dettall qabel mar-riforma tkun ikkonkretizzata. Kien hemm żieda fin-numru ta' ġudikanti li jisimgħu proċeduri konnessi ma' vjolenza domestika biex ilaħħqu mal-influss dejjem jiżdied ta' kawżi ta' din ix-xorta imma jeħtieġ jiġu indirizzati partikolaritajiet legali li qed jitfgħu piż żejjed fuq il-Qorti meta dawn messhom ġew indirizzati qabel mal-kwisjtoni tasal sal-Qorti. Nispera li dan ukoll ser jiġi indirizzat fir-riformi maħsuba.

Il-Qorti ta' Għawdex kif ilha mmexxija mill-ġudikanti assenjati fiha ma tantx hemm x'wieħed jgħid dwarha. Ġudikanti li lkoll jagħmlu ħilithom biex imexxu l-kawżi assenjati quddiemhom minkejja diffikultajiet kultant kbar li jħabbtu wiċċhom magħhom minħabba nuqqasijiet fit-tmexxija tal-proċeduri amministrattivi. Għalkemm ikun hemm ir-rieda jeħtieġ ukoll id-dedikazzjoni u kultant deċiżjonijiet iebsin biex ix-xogħol amministrattiv ma jkunx ta' xkiel għat-tmexxija tal-proċeduri. Minix ser insemmi eżempji għax min jaħdem fil-Qrati ta' Malta u Għawdex ġieli esperjenżahom, uħud minnhom aktar nuqqas ta' ħsieb u deċiżjoni għaqlija f'waqtha milli nuqqasijiet serji. Imma dak li japplika għal Malta japplika għal Għawdex. Ma għandu jkun hemm ebda distinzjoni. Iż-żewġ Qrati għalkemm maqsuma mill-baħar huma u jibqgħu parti mill-istess Qorti bl-istess setgħat u doveri. Għalkemm nilqa' b'ħafna sodisfazzjoni l-aħbar li x'aktarx sa fl-aħħar il-Qorti ta' Għawdex ser ikollha binja denja u effiċjenti bi spazju u tagħmir, dan ma jbiddel xejn mill-fatt illi l-effiċjenza u s-serjeta' ma tiġix mill-ġebel u l-għamara iżda minn min jaħdem fiha, ibda mill-ogħla amministratur sal-inqas ħaddiem, kollha ħoloq f'katina waħda kontinwa li biha l-ġudikanti li qed jagħtu sehem tant siewi fil-qasam tal-Qorti ta' Għawdex ma jkunx imfixkel milli jagħti l-frott mistenni.

Nixtieq nibda nagħlaq dan id-diskors l-ewwel billi nirringrazzja lill-kollegi tiegħi ġudikanti li fil-maġġoranza tagħhom għinuni u jgħinuni direttament u indirettament biex nagħtu sehmna lis-soċjeta' kif wara kollox hu dmirna u li nagħmluh mhux għax imħallsin għalih biss iżda għax minn qalbna rridu l-ġid lis-soċjeta' tagħna u b'għemilna ngħollu isem pajjiżna barra xtutna bil-ħidma u l-imġiba tagħna. Nirringrazzja lill-amministrazzjoni tal-Qorti li kemm jien u kemm il-kollegi tiegħi dejjem insibuhom lesti jisimgħuna u fejn possibli jgħinuna. L-istess ringrazzjament ukoll imur għal ħaddiema kollha li jaħdmu f'varji setturi tal-Qrati li f'ċirkostanżi diffiċli jippruvaw jagħtu sehemhom skont il-ħiliet tagħhom. Nirringrażżja wkoll lil ħaddiema assenjati magħna individwalment f'kull dover li għandhom li b'ħilithom u l-lealta' tagħhom jagħmlulna ħidmietna anqas komplikata. Nirringrazzja lilek Ministru tal-Ġustizzja li dejjem smajt dak li jien f'isem il-ġudikatura kelli x'nissuġġerixxi għat-titjib tal-Qrati u diversi drabi aġixxejt fuq dak li nkun issuġġerejt. Ma jfissirx li dejjem qbilna iżda dejjem kellna rispett reċiproku għal funzjonijiet kostituzzjonali rispettivi tagħna.

Kif diġa' għidt il-ġudikatura kollha, ibda minni, hi ħolqa f'katina twila. Is-sistema tal-ġustizzja la bdiet u anqas tispiċċa bina. Miskin hu min jaħseb li hu indispensabbli. Aħna afdati nibnu fuq dak li writna minn ta' qabilna u nagħmluh dejjem aħjar, nagħmluh minn qalbna, b'rispett lejn id-dinjita' tal-bniedem. Is-setgħat mogħtija lilna mhumiex għajr għodda li biha nagħtu servizz u naqdu l-istat Malti billi nagħmlu ġustizzja bil-liġijiet u bid-dimensjoni umana u morali mistennija minna. Jalla lkoll fil-bank tal-ġudikatura meta ntemmu s-servizz tagħna ngħidu bla modestja falza li t-talent li tana Alla użajnieh u kattarnieh u mhux ħlejnieh jew warrabnieh.

Grazzi.

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU  “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexxejja tal-UE għax Malta ilha mill-bidu nett timbotta favur soluzzjoni għall-paċi” – Il-Prim Ministru Robert Abela

PR261926

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR EUROPEAN FUNDS, SOCIAL DIALOGUE AND CONSUMER PROTECTION  European funding through the Erasmus+ programme to strengthen educators’ professional development

PR261925EN

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR EUROPEAN FUNDS, SOCIAL DIALOGUE AND CONSU...

More Press Releases Right arrow