STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAL GĦAWDEX U L-IPPJANAR Jitnieda l-programm ta’ attivitajiet għall-anzjani f’Għawdex għal matul ix-xahar ta’ Ottubru
Waqt żjara li għamel f'wieħed mid-Day Centres tal-anzjani, il-Ministru għal Għawdex u l-Ippjanar Clint Camilleri nieda l-programm ta' attivitajiet ta' din is-sena għal Ottubru, ix-xahar iddedikat għall-anzjani.
Il-Ministru Clint Camilleri stqarr li, “Ottubru hu żmien speċjali fejn nirrikonoxxu mhux biss is-snin li għaddew, iżda wkoll l-għerf, il-valuri u s-sagrifiċċji li bihom l-anzjani tagħna bnew il-familji u l-komunitajiet tagħna. Huma l-pedamenti tas-soċjetà tagħna u aħna għandna d-dover li nuru r-rispett u l-gratitudni tagħna lejhom. Permezz ta' dawn l-attivitajiet irridu nuru apprezzament sinċier u noħolqu spazji fejn il-ġenerazzjonijiet kollha jistgħu jiltaqgħu, jitgħallmu minn xulxin u jiċċelebraw flimkien."
Għal matul ix-xahar ta' Ottubru 2025, il-Ministeru għal Għawdex u l-Ippjanar se jkun qed jorganizza serje ta' avvenimenti u attivitajiet biex jiċċelebra l-anzjani f'Għawdex. Il-programm se jinkludi:
- Attivitajiet interġenerazzjonali li jinvolvu tfal u żgħażagħ flimkien mal-anzjani.
- Social mornings b'taħditiet informattivi mmirati lejn l-anzjani.
- Quddiesa speċjali fis-Santwarju Ta' Pinu li se tlaqqa' flimkien residenti anzjani minn kull raħal f'Għawdex.
- Open Days fid-djar residenzjali u fix-xelters ta' matul il-jum u ta' billejl tal-Ministeru.
- Avveniment speċjali f'Villa Rundle, fejn l-anzjani u l-familji tagħhom ikollhom l-opportunità jitgħallmu aktar dwar il-firxa wiesgħa ta' servizzi offruti mill-Ministeru għall-bżonnijiet tagħhom.
Il-Ministru Clint Camilleri temm billi ħeġġeġ lil kulħadd sabiex jattendi u jieħu sehem f'dawn iċ-ċelebrazzjonijiet li jonoraw lill-anzjani tagħna.
Other Press Releases:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN