STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-KULTURA, L-ARTIJIET U L-GVERN LOKALI Imnedija l-Ħames Edizzjoni tal-EUNIC European Film Festival f’Malta
Ħdax-il wirja ta’ films fi żmien sitt ijiem
Ġiet imnedija l-ħames edizzjoni tal-EUNIC European Film Festival f’Malta li se ssir bejn it-23 u t-28 ta’ Settembru 2025 fi Spazju Kreattiv. F’dawn is-sitt ijiem se jittellgħu ħdax-il wirja ta’ films, kollha ddedikati biex jiċċelebraw id-diversità f’kull forma u aspett tagħha.
EUNIC hija n-network Ewropew ta’ istituti kulturali u ambaxxati li jingaġġaw f’relazzjonijiet kulturali u jagħtu ħajja lil kollaborazzjonijiet kulturali f’aktar minn 100 pajjiż madwar id-dinja.
Il-Ministru għall-Kultura, l-Artijiet u l-Gvern Lokali Owen Bonnici qal, “Il-Festival Ewropew tal-Films organizzat minn EUNIC Malta juri b’mod ċar kif il-kultura hija mezz qawwi ta’ djalogu, ta’ ftehim reċiproku u ta’ għaqda. Permezz ta’ din l-inizjattiva, qed nagħtu spazju liċ-ċelebrazzjoni tad-diversità u tal-valuri komuni Ewropej, waqt li nsaħħu wkoll il-kollaborazzjoni kulturali f’Malta. Grazzi għall-kontribut ta’ kull ambaxxata u istituzzjoni li qed tieħu sehem, qed inwasslu esperjenza unika lill-pubbliku Malti li jħobb il-films u l-kultura.”
EUNIC Malta tnieda f’Lulju tal-2021 u l-missjoni hi li jikkontribwixxi lejn l-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli u li jirrifletti u jagħti valur lid-diversità tal-kulturi Ewropej u l-valuri komuni permezz ta’ avvenimenti u proġetti Ewropej konġunti.
Ħdax-il membru u msieħba qed jipparteċipaw fl-avveniment: l-ambaxxati tar-Repubblika Ċeka, il-Ġermanja, l-Ungerija, l-Olanda, il-Polonja, Franza u Spanja, kif ukoll l-Alliance Française, il-Kunsill Malti għall-Arti, il-European Commission Representation, l-Istituto Italiano di Cultura u l-Australian High Commission.
Other Press Releases:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN