STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-KULTURA, L-ARTIJIET U L-GVERN LOKALI
Malta tissottometti applikazzjoni mal-UNESCO biex il-Fortifikazzjoni tal-Portijiet madwar il-Belt Valletta, is-swar tal-Kottonera u ta’ Santa Margerita, l-Imdina u ċ-Ċittadella ta’ Għawdex jiżdiedu mal-lista tal-Wirt Dinji
Il-Ministeru għall-Kultura, l-Artijiet u l-Gvern Lokali u r-Rappreżentanza Permanenti Maltija għall-UNESCO mexxew ’il quddiem sottomissjoni sabiex il-Fortifikazzjonijiet tal-Portijiet madwar il-Belt Valletta, is-swar tal-Kottonera, is-swar ta’ Santa Margerita, l-Imdina u ċ-Ċittadella ta’ Għawdex jiġu miżjuda fil-lista tal-Wirt Dinji tal-UNESCO taħt l-isem ta’ ‘il-Fortifikazzjonijiet Maltin tal-Kavallieri ta’ San Ġwann.’
Il-lista tal-Wirt Dinji tal-UNESCO ġiet stabbilita permezz tal-Konvenzjoni għall-Wirt Dinji tal-1972 — konvenzjoni li Malta rratifikat fl-1978. Dritt wara, fl-1980, Malta kienet wasslet b’suċċess għal fuq din il-lista prestiġjuża tliet siti importanti — it-Tempji tal-Ġgantija t’Għawdex, l-Ipoġew ta’ Ħal Saflieni u l-Belt Valletta. Eventwalment, l-iskrizzjoni tat-tempji tal-Ġgantija ġiet estiża għat-Tempji Megalitiċi ta’ Malta fl-1992. Hekk ġew magħduda wkoll it-Tempji ta’ Ħaġar Qim u l-Imnajdra, it-Tempji ta’ Ħal Tarxien, ta’ Ħaġrat u ta’ Skorba.
Il-Ministru għall-Kultura, l-Artijiet u l-Gvern Lokali Owen Bonnici sostna, “Għal dawn l-aħħar snin kienet għaddejja ħidma sabiex pajjiżna jesplora liema huma dawk is-siti li jgawdu minn valuri universali li jistgħu jkunu kandidati tajbin għal din il-lista tal-Wirt Dinji. Wara proċess ta’ assistenza, imsejjaħ Upstream Process, il-Gvern Malti, permezz tal-Ministeru għall-Artijiet, il-Kultura, u Gvern Lokali u r-Rappreżentanza Permanenti Maltija għall-UNESCO ħejja sottomissjoni sabiex il-Fortifikazzjonijiet tal-Portijiet madwar il-Belt, is-swar tal-Kottonera, is-swar ta’ Santa Margerita, l-Imdina u ċ-Ċittadella ta’ Għawdex jiġu miżjuda fl-iskrizzjoni mal-Belt Valletta taħt l-isem ta’ ‘Il-Fortifikazzjonijiet Maltin tal-Kavallieri ta’ San Ġwann’”.
Spjega kif fi żmien fejn ir-rekwiżiti biex tasal għal fuq din il-lista huma dejjem aktar stretti u rigorużi, dan l-eżerċizzju segwa studji estensivi u konsulenzi ma’ esperti barranin, kif ukoll mal-istess World Heritage Centre tal-UNESCO u l-konsulenti internazzjonali tagħhom ICOMOS International.
L-ewwel applikazzjoni issa tinsab għand il-World Heritage Centre tal-UNESCO qabel ma tiġi sottomessa l-applikazzjoni finali fl-1 ta’ Frar 2026. Minn hemm, l-applikazzjoni tersaq għall-iskrutinju u l-evalwazzjoni tal-konsulenti internazzjonali tal-World Heritage Centre, u mbagħad tmur għall-vot tal-Kumitat tal-Wirt Dinji magħmul minn 21 membru stat imsieħeb fil-Konvenzjoni tal-1972.
Il-Lista tal-Wirt Dinji tinkludi fiha siti li għandhom valuri meqjusa straordinarji u ta’ portata universali, li jagħmluhom importanti mhux biss għall-pajjiż jew għall-komunitajiet tal-madwar iżda għall-umanità. Iskrizzjoni fuq din il-lista mhux biss tgħolli l-viżibilità tal-post u l-interess tas-suq turistiku, iżda tgħolli wkoll ir-responsabilità tal-istat u tal-komunitajiet sabiex iżommuhom u jħarsuhom għall-ġenerazzjonijiet futuri.
Other Press Releases:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN