STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAS-SAĦĦA U L-ANZJANITÀ ATTIVA Imnedija Strateġija għall-Prevenzjoni tal-Mard Mhux Trasmissibbli 2025-2035
Il-Ministeru għas-Saħħa u l-Anzjanità Attiva nieda Strateġija għall-Prevenzjoni tal-Mard Mhux Trasmissibbli (NCD’s) 2025–2035 – dokument strateġiku li jqiegħed il-prevenzjoni fil-qalba tal-aġenda nazzjonali tas-saħħa.
L-Istrateġija għandha l-għan li tindirizza l-akbar kawżi ta’ mwiet u diżabilità fil-pajjiż fosthom il-mard kardjovaskulari, id-dijabete, il-kanċer, l-obeżità, il-kundizzjonijiet respiratorji kroniċi u d-disturbi tas-saħħa mentali. Dawn mhux biss jaffettwaw lill-individwi u l-familji, iżda wkoll lis-sistema tas-saħħa f’pajjiżna.
Il-Ministru għas-Saħħa u l-Anzjanità Attiva Jo Etienne Abela spjega li din l-Istrateġija tirrappreżenta bidla importanti minn kura reattiva għal waħda bbażata fuq prevenzjoni, b’approċċ ta’ governanza sħiħa u kollaborazzjoni mas-soċjetà kollha. Abela saħaq li fost il-prijoritajiet ta’ din l-istrateġija hemm: li nkomplu nsaħħu aktar l-għarfien fuq il-ħsara tat-tabakk u l-alkoħol, spazji aċċessibbli għall-attività fiżika, is-saħħa mentali u l-promozzjoni ta’ ikel u drawwiet ta’ ħajja b’saħħithom fil-komunità, fost oħrajn.
L-istrateġija tallinja mal-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli tan-Nazzjonijiet Uniti, mal-Qafas Globali ta’ Monitoraġġ tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa u mal-Pjan Ewropew kontra l-Kanċer, filwaqt li tallinja wkoll mal-Viżjoni Malta 2050 għal sistema tas-saħħa sostenibbli u inklużiva.
Il-Ministru Abela rringrazzja lis-Sovrintendenza tas-Saħħa Pubblika u lill-imsieħba tal-WHO għall-appoġġ sħiħ tagħhom. Huwa semma kif fil-jiem li ġejjin se jkun qed jirrappreżenta lil Malta fil-laqgħa tan-Nazzjonijiet Uniti dwar Mard Mhux Trasmissibbli fejn se sservi ta’ opportunità biex nuru l-isforzi ta’ Malta fuq livell dinji.
“Din l-istrateġija se tirnexxi biss bil-kollaborazzjoni ta’ kulħadd – professjonisti tas-saħħa, dawk li jfasslu l-politika, il-komunitajiet u ċ-ċittadini. Flimkien nistgħu nippromwovu ħajja aktar b’saħħitha u nħejju futur aħjar li minnu jgawdu l-Maltin u l-Għawdxin,” temm jgħid il-Ministru Abela.
Other Press Releases:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN