STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AMBJENT, L-ENERĠIJA U L-INDAFA PUBBLIKA ‘Liġi ambizzjuża dwar il-Klima li tqis ir-realtajiet tal-Istati Membri gżejjer’ – is-sejħa ta’ Malta fil-Kunsill tal-Ambjent
Malta tenniet mill-ġdid l-impenn tagħha li tieħu passi kuraġġużi favur l-azzjoni klimatika filwaqt li ħeġġet lill-Unjoni Ewropea biex tipprijoritizza r-realtajiet tal-Istati Membri gżejjer fil-qafas klimatiku ta' wara l-2030.
Meta tkellmet fil-laqgħa tal-Kunsill tal-Ministri tal-Ambjent fi Brussell, il-Ministru Miriam Dalli laqgħet il-progress fuq il-proposta li tiġi stabbilita mira madwar l-Unjoni Ewropea biex jitnaqqsu l-emissjonijiet ta' gassijiet serra b'90% sal-2040. Hija enfasizzat li deċiżjoni daqstant ambizzjuża trid tiġi approvata mill-mexxejja Ewropej peress li għandha implikazzjonijiet ekonomiċi u soċjali wiesgħa.
Il-Ministru Dalli appellat għal rikonoxximent u appoġġ xieraq għall-Istati Membri gżejjer. Hija enfasizzat li l-isfidi speċifiċi li jiffaċċjaw Stati Membri li huma gżejjer bħal Malta, għandhom ikunu msejsa fil-Liġi Ewropea dwar il-Klima. Hija appellat ukoll biex il-valutazzjonijiet tal-impatt fil-livell tal-Istati Membri jiġu inklużi fil-liġi l-ġdid dwar il-klima.
Matul l-intervent tagħha, il-Ministru Dalli appellat ukoll għal approċċ aktar ġust li jipprijoritizza l-effiċjenza fl-infiq u s-solidarjetà.
“Malta tibqa' sieħeb importanti fl-isforzi klimatiċi tal-Ewropa. Irridu nimxu 'l quddiem flimkien, b'ġustizzja, solidarjetà, u rikonoxximent tal-isfidi uniċi li jiffaċċja kull Stat Membru," qalet il-Ministru.
Dwar il-finanzjament għall-klima, il-Ministru Miriam Dalli enfasizzat l-importanza ta' aċċess ekwu. Spjegat li stati iżgħar spiss jiffaċċjaw ostakli tekniċi li jagħmlu l-aċċess għall-investimenti tal-UE u privati aktar diffiċli minħabba l-iskala limitata tal-proġetti proposti. Il-Ministru saħqet li huwa importanti li l-pajjiżi kollha jkollhom aċċess għar-riżorsi meħtieġa għat-tranżizzjoni ekoloġika biex tintlaħaq il-mira tal-2040.
Il-Ministri tal-Ambjent laħqu wkoll ftehim dwar id-Dikjarazzjoni ta' Intenzjoni tal-UE, li tistabbilixxi l-progress tal-Unjoni u t-triq 'il quddiem bi tħejjija għall-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti li se ssir fi New York aktar tard dan ix-xahar. Din id-dikjarazzjoni tenfasizza l-impenn kontinwu tal-UE favur l-azzjoni klimatika u kemm l-ambizzjoni kollettiva tagħha hi kruċjali biex tkompli ssaħħaħ il-momentum globali.
Other Press Releases:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN