STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI GĦAD-DJALOGU SOĊJALI Delegazzjoni mill-Aġenzija Ewropea għall-Kimiċi żżur Malta
Delegazzjoni mill-Aġenzija Ewropea għall-Kimiċi (ECHA), immexxija mid-Direttur Eżekuttiv Sharon McGuinness, ġiet f'Malta għal diskussjonijiet dwar ix-xogħol li għaddej fuq livell ta' Unjoni Ewropea dwar l-importazzjoni ta' kimiċi u kif wieħed għandu jassigura li dawn ma jkunux ta' ħsara għall-konsumatur.
Matul iż-żjara, organizzata mill-Awtorità Maltija għall-Kompetizzjoni u d-Drittijiet tal-Konsumatur (MCCAA), id-Direttur Eżekuttiv tal-ECHA ltaqgħet mas-Segretarju Parlamentari għad-Djalogu Soċjali, Andy Ellul.
Matul il-laqgħa, is-Segretarju Parlamentari Andy Ellul irrikonoxxa x-xogħol tal-ECHA bħala wieħed importanti, kemm għal protezzjoni tal-konsumaturi Maltin u Għawdxin, kif ukoll għall-ambjent li ngħixu fih. Is-Segretarju Parlamentari tkellem dwar ir-realtajiet li jiffaċċjaw negozji Maltin u sostna illi l-miri tal-Unjoni Ewropea filwaqt li huma importanti li jiġu milħuqa, ma jistax jittieħed approċċ ta' one-size-fits-all, u jridu jassiguraw li jkunu jagħmlu sens għar-realtajiet li jiffaċċjaw gżejjer-stati żgħar bħal pajjiżna.
Is-Segretarju Parlamentari Ellul tkellem ukoll dwar il-ħidma tal-MCCAA, taħt it-tmexxija tal-Kap Eżekuttiv Carmen Ciantar. Qal illi din l-Awtorità twettaq eluf ta' spezzjonijiet sabiex tassigura li l-prodotti fis-suq ikunu ta' kwalità, filwaqt li tipproċessa wkoll mijiet ta' lmenti. Dan fl-istess waqt li tara li n-negozji jkunu qed jikkompetu fuq level playing field sabiex tissaħħaħ il-kompetittività fil-pajjiż.
Min-naħa tagħha, id-Direttur Eżekuttiv Sharon McGuinness, irringrazzjat lil pajjiżna tal-koperazzjoni f'dan ir-rigward, filwaqt li nnotat il-ħidma awtonoma li twettaq l-Awtorità favur il-konsumatur Malti u Għawdxi.
Other Press Releases:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN