STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U L-MINISTERU GĦALL-AFFARIJIET BARRANIN U T-TURIŻMU Huwa essenzjali li nixprunaw liċ-ċittadini bil-litteriżmu tal-media – Id-Deputat Prim Ministru Borg
Malta tospita konferenza ta’ livell għoli tal-Kunsill tal-Ewropa dwar it-tisħiħ tar-reżiljenza demokratika kontra d-diżinformazzjoni
“It-theddida tad-diżinformazzjoni hija waħda globali. Hija responsabbiltà ta’ kulħadd, u ċ-ċittadini huma l-ewwel linja ta’ difiża - li nixprunawhom bil-litteriżmu tal-media u bil-ħsieb kritiku huwa essenzjali. Billi nibdew miċ-ċittadini, inkunu qed insaħħu s-sisien tad-demokrazija.”
Id-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu enfasizza l-irwol kruċjali tal-għarfien dwar il-media u t-teknoloġiji diġitali f’soċjetajiet demokratiċi, meta kien qed jiftaħ Il-Konferenza ta’ Livell Għoli ‘Building Democratic Resilience to Disinformation’, li saret il-Kalkara, l-Erbgħa filgħodu. Il-konferenza kienet imtella’ mill-Kunsill tal-Ewropa u l-Ministeru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu, bħala parti mill-Presidenza Maltija tal-Kumitat tal-Ministri tal-Kunsill tal-Ewropa.
Dr Borg spjega li l-edukazzjoni u s-sehem taċ-ċittadini, mill-kurrikuli tal-iskejjel sat-tagħlim tul il-ħajja, huwa ċentrali fl-isforzi biex titrażżan id-diżinformazzjoni. “Iż-żgħażagħ, konnessi diġitalment u innovattivi, iġibu magħhom għarfien vitali f’din il-missjoni. Iżda r-reżiljenza ma tistax tiffoka biss fuq iż-żgħażagħ. Hemm qasmiet diġitali li għadhom jeżistu, speċjalment bejn il-ġenerazzjonijiet. Ħafna ċittadini anzjani għadhom jiffaċċjaw sfidi biex jaċċessaw l-informazzjoni fid-dinja tal-lum. Li niżguraw li kulħadd jista’ jkollu informazzjoni preċiża u jirreżisti narrattivi foloz huwa essenzjali,” hu qal, hekk kif ħeġġeġ lill-gvernijiet, is-soċjetà ċivili, l-edukaturi, il-ġurnalisti, l-akkademiċi, u s-settur teknoloġiku biex jaħdmu flimkien f’din id-direzzjoni.
Malta kontinwament poġġiet il-ġlieda kontra d-diżinformazzjoni, u l-promozzjoni tal-litteriżmu tal-media u tat-teknoloġiji diġitali fuq quddiem tal-aġenda internazzjonali. Id-Deputat Prim Ministru fakkar li dawn il-kwistjonijiet kienu fost il-miri ewlenin ta’ Malta bħala membru tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Magħquda fl-2023 u l-2024, matul il-Presidenza tal-OSCE fl-2024, u bħalissa waqt il-Presidenza tal-Kunsill tal-Ewropa. “Li niddefendu l-verità u l-fiduċja huwa essenzjali biex niddefendu d-demokrazija nnifisha,” kompla jispjega.
Hu nnota wkoll li bħal ħafna demokraziji, Malta kellha l-mumenti li fakkru b’mod ċari il-konsegwenzi ta’ dawn it-theddidiet. B’referenza għall-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia, saħaq fuq il-ħtieġa urġenti li l-pajjiżi kollha jagħmlu dak l-almu kollu tagħhom biex jipproteġu lill-ġurnalisti. “Il-ħarsien tal-professjonisti tal-midja mhijiex biss kompitu nazzjonali, iżda responsabbiltà kondiviża ta’ kull demokrazija impenjata li ssaħħaħ id-drittijiet tal-bniedem u s-saltna tad-dritt,” Dr Borg stqarr.
Din il-konferenza f’Malta ġabet flimkien rappreżentanti tal-gvern, leġiżlaturi u dawk li jfasslu l-politika, regolaturi, membri tas-soċjetà ċivili, ġurnalisti, akkademiċi u rappreżentanti mis-settur teknoloġiku, sabiex jiddiskutu strateġiji effettivi, ibbażati fuq id-drittijiet, biex jegħlbu d-diżinformazzjoni u jsaħħu r-reżiljenza demokratika. Ġurnalisti, rappreżentanti tas-soċjetà ċivili u dawk kollha involuti f’dan il-qasam minn Malta kienu fost il-parteċipanti ta’ din il-konferenza.
Other Press Releases:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN