STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INKLUŻJONI U L-VOLONTARJAT U MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI GĦALL-GVERN LOKALI Edizzjoni oħra ta’ Rabat Sacrum fi tmiem din il-ġimgħa
Għat-tielet sena konsekuttiva, it-toroq fil-qalba tar-Rabat se jerġgħu jiddawlu, filwaqt li jinfetħu beraħ il-bibien tal-knejjes u l-mużewijiet li hi mogħnija bihom din il-lokalità storika u pittoreska. Dan kollu se jkun qed jittella’ permezz ta’ skema għall-attivitajiet kulturali li ħarġet id-Diviżjoni għall-Gvern Lokali, kif ukoll bl-għajnuna finanzjarja tal-Ministeru għall-Inklużjoni u l-Volontarjat permezz ta’ Aġenzija Sapport u l-Kunsill Malti għas-Settur tal-Volontarjat u għaqdiet Rabtin.
Id-dettalji dwar din l-attività tħabbru mill-Ministru għall-Inklużjoni u l-Volontarjat, Julia Farrugia, is-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali, Alison Zerafa Civelli, is-Sindku tar-Rabat, Sandro Craus u l-President Emeritu Marie-Louise Coleiro Preca, Chairperson tal-Malta Trust Foundation. Preżenti kien hemm ukoll id-Direttur Ġenerali tad-Diviżjoni għall-Gvern Lokali, Emil Vassallo u membri tal-Kunsill Lokali tar-Rabat, kif ukoll id-Direttur għall-Istrateġija u l-Implimentazzjoni għall-Gvern Lokali Marisa Pisani. Ġie spjegat li din l-attività se tkun mifruxa madwar iċ-ċentru tar-Rabat, u li se tittella’ bejn is-18:30 tas-Sibt sa’ nofsillejl u l-Ħadd bejn id-09:00 u s-13:00.
Min-naħa tagħha, il-Ministru Julia Farrugia spjegat kif dan l-avveniment annwali huwa okkażjoni tajba biex il-Gvern ikompli juri u jispjega ħidmietu fil-qasam tal-inklużjoni u l-volontarjat. “Il-Gvern jibqa’ impenjat li jkompli jsaħħaħ ir-rwol tal-volontarjat u tal-għaqdiet fil-komunità tagħna, għax nemmnu bis-sħiħ li dawn huma l-qofol ta’ soċjetà b’saħħitha. Permezz ta’ festivals bħal Rabat Sacrum, mhux biss qed inwasslu messaġġ ta’ rispett lejn il-wirt kulturali u storiku tar-Rabat, iżda qed nagħtu wkoll spazju lil kull persuna biex tħoss li hija parti integrali minn din il-ħidma. L-inklużjoni mhijiex biss valur, imma hija prijorità li qed inħaddnu biex niżguraw li ħadd ma jibqa’ lura. Dan il-festival juri b’mod ċar kif il-volontarjat u l-involviment tal-komunità jistgħu jinbidlu f’pedament ta’ solidarjetà nazzjonali: mill-prodotti maħdumin minn persuni b’diżabilità mill-Aġenzija Sapport, għall-għaqdiet fis-settur tad-diżabilità, u l-MCVS li jippromwovi l-volontarjat fil-komunità. Dawn huma kollha eżempji ta’ kif il-politika tista’ tmiss il-ħajja ta’ kuljum tan-nies b’mod konkret,” temmet tgħid il-Ministru.
Min-naħa tagħha, is-Segretarju Parlamentari Alison Zerafa Civelli qalet li din l-attività saret parti mill-kalendarju kulturali tal-Kunsill Lokali tar-Rabat. Enfasizzat li permezz tal-iskema maħruġa propju għall-attivitajiet kulturali qed ikomplu jsaħħu l-identità tal-lokalitajiet tagħna. “Dan l-avveniment, li daħal fil-kalendarju kulturali ta’ pajjiżna, mhux biss juri t-teżori li hu mogħni bihom ir-Rabat, iżda wkoll l-impenn u r-rieda tal-Kunsilli Lokali li jorganizzaw avvenimenti ta’ dan il-kalibru. Permezz tal-Kunsill Lokali tar-Rabat, diversi Rabtin jistgħu jesebixxu l-ħidma u t-talent tagħhom, filwaqt li l-bqija tal-pubbliku jkun jista’ jiskopri aktar tagħrif dwar din il-lokalità. Bħala Gvern qed inkunu ta’ spalla mal-Kunsilli Lokali sabiex ikunu jistgħu jtellgħu attivitajiet bħal dawn li jqarrbu l-Kunsilli Lokali lejn iċ-ċittadini tal-lokalità, kif ukoll lil kull min jattendi għal dawn l-attivitajiet bla ħlas li qeghdin joħolqu l-Kunsilli Lokali tagħna,” temmet tgħid is-Segretarju Parlamentari.
Il-President Emeritu Marie-Louise Coleiro Preca, Chairperson tal-Malta Trust Foundation, ħabbret li matul l-attività ta’ Rabat Sacrum, il-bibien ta’ Dar Saura fir-Rabat se jkunu miftuħin għall-pubbliku. Hija saħqet kif fi ftit xhur dan iċ-Ċentru ser jinbidel f’National Empowerment Hub għat-tfal u ż-żgħażagħ b’diżabilità. F’dan iċ-Ċentru se jkunu jistgħu jirċievu sessjonijiet terapewtiċi speċjalizzati, fosthom terapija tal-mużika, tagħlim adattat tal-mużika, arti espressiva, terapija taż-żfin, kif ukoll appoġġ lill-familji tat-tfal u taż-żgħażagħ li jattendu fiċ-Ċentru għall-Mużika u l-Arti tal-Malta Trust Foundation.
Is-Sindku tar-Rabat, Sandro Craus, spjega li għal din l-attività se tkun qed isir shuttle service minn Triq l-Infetti fir-Rabat, sabiex dak li jkun interessat jattendi tkun aktar faċli. Spjega wkoll li għalkemm it-tema li ntgħażlet għal din l-edizzjoni hija dwar it-Tieni Gwerra Dinjija, il-mużewijiet u l-Knejjes Rabtin xorta se jkunu parti integrali minn din l-attività, u anke ħabbar li għall-ewwel darba, is-Sibt filgħaxija, il-mużewijiet ta’ Heritage Malta se jkunu mixgħula bix-xemgħat.
Intant, kollox se jibda nhar is-Sibt li ġej fis-18:30 b’konvoj militari, filwaqt li se jinfetħu bosta knejjes u l-mużewijiet kollha tar-Rabat. Fl-edizzjoni ta’ din is-sena se jinfetħu wkoll għadd ta’ postijiet oħra ta’ interess fosthom Dar Saura, l-Arkivji Nazzjonali u l-Każini tal-Baned. Il-mużewijiet se jkunu wkoll mixgħula b’għadd ta’ xemgħat, se jittellgħu wkoll għadd ta’ reċti mużikali u wirjiet artistiċi. Il-Ħadd filgħodu, se jinfetħu wkoll il-mużewijiet u l-knejjes u kif ukoll se jkun hemm wirjiet marbuta mat-tema tat-Tieni Gwerra Dinjija.
Other Press Releases:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN