STQARRIJA MIR-REGOLATUR GĦAS-SERVIZZI TAL-ENERĠIJA U L-ILMA
Il-Kumitat għall-Ħatriet Pubbliċi approva unanimament l-ħatra ta’ Nancy Caruana bħala Chairperson tar-Regolatur għas-Servizzi tal-Enerġija u l-Ilma (REWS).
REWS jerġa’ jikkonferma l-impenn tiegħu li jkompli joffri servizzi ġusti, trasparenti u ta’ kwalità għolja taħt il-ħarsien ta’ Sa Caruana.
Nancy Caruana bdiet il-karriera tagħha fis-servizz pubbliku fl-1982, fejn tat sehemha f’diversi dipartimenti tal-Gvern fosthom fl-Uffiċċju tal-Eżamijiet u d-Dipartiment tal-VAT. Hija mxiet ’il quddiem fil-karriera amministrattiva tagħha, fosthom bħala Direttur tal-Finanzi u l-Amministrazzjoni fid-Dipartiment tal-Artijiet fl-2010 u Direttur tat-Turiżmu fl-2014.
Aktar tard fl-2014, inħatret Segretarju Permanenti fil-Ministeru tal-Ekonomija, l-Investiment u n-Negozji Żgħar. Fl-2022 ġiet appuntata mill-ġdid bħala Segretarju Permanenti fil-Ministeru għall-Inklużjoni, is-Settur Volontarju u d-Drittijiet tal-Konsumatur, u f’Lulju tal-2024 reġgħet ingħatat ir-responsabbiltà ta’ Segretarju Permanenti fi ħdan il-Ministeru tal-Ekonomija, l-Intrapriża u l-Proġetti Strateġiċi.
Matul il-karriera distintiva tagħha, Sa Caruana mexxiet b’mod strateġiku f’oqsma bħall-iżvilupp ekonomiku, it-trasformazzjoni diġitali, il-politika tal-inklużjoni, id-drittijiet tal-konsumatur, kif ukoll is-superviżjoni ta’ riformi nazzjonali u proġetti infrastrutturali ewlenin.
Bħala rikonoxximent tas-servizz eċċellenti tagħha u l-impenn fit-tul lejn is-settur pubbliku Malti, Sa Caruana ngħatat il-Premju għad-Dedikazzjoni fis-Servizz Pubbliku mill-Uffiċċju tal-Prim Ministru waqt is-serata MARA li ġiet organizzata f’Marzu 2025.
Hija uffiċjalment irtirat mis-servizz pubbliku f’April 2025.
REWS jirringrazzja lil Ing. James Camenzuli għall-ħidma prezzjuża u l-kontribut tiegħu lejn l-entità matul it-terminu tiegħu bħala Chairperson.
Other Press Releases:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN