STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAL GĦAWDEX U L-IPPJANAR U L-MINISTERU GĦALL-FONDI EWROPEJ U L-IMPLIMENTAZZJONI TAL-PROGRAMM ELETTORALI
Beda l-proġett ta’ Għammar Hill bil-għan li tissaħħaħ il-bijodiversità u jingħata ambjent aktar aċċessibbli u pjaċevoli lill-viżitaturi tas-Santwarju ta’ Pinu
Il-Ministru għal Għawdex u l-Ippjanar Clint Camilleri flimkien mal-Ministru għall-Fondi Ewropej u l-Implimentazzjoni tal-Programm Elettorali Stefan Zrinzo Azzopardi żaru l-proġett ta’ restawr ekoloġiku u riabilitazzjoni li għaddej fuq Għammar Hill, ħdejn is-Santwarju ta’ Ta’ Pinu. Dan l-investiment jkopri żona ta’ madwar 8,467 metru kwadru.
Il-Ministru Clint Camilleri stqarr li “dan il-proġett li jinkludi fost l-oħrajn it-tħawwil ta’ madwar 900 siġra u 900 arbuxell u madwar 1,700 metru kubu ħitan tas-sejjieħ se jsaħħaħ il-bijodiversità lokali u fl-istess ħin joħloq ambjent aktar aċċessibbli u pjaċevoli għall-eluf ta’ viżitaturi li jżuru s-Santwarju ta’ Pinu kull sena. Permezz ta’ interventi bħal dawn aħna qegħdin nagħtu valur miżjud lill-ambjent ta’ madwarna, filwaqt li nħarsu l-identità u l-karattru rurali uniku ta’ dawn l-inħawi.”
Il-Ministru Camilleri spjega li “dan il-proġett hu proprju eżempju tal-istrateġija tal-Gvern għal Għawdex: Gżira ta’ Villaġġi u l-Viżjoni għal Għawdex 2050 għaliex proġetti bħal dawn jgħinuna nkomplu nsebbħu lil Għawdex, nagħmlu l-ambjent aktar sostenibbli u nattiraw turiżmu ta’ kwalità li jfittex esperjenzi awtentiċi u li jirrispettaw l-ambjent naturali.”
Min-naħa tiegħu, il-Ministru Stefan Zrinzo Azzopardi qal li “dan il-proġett juri b’mod ċar kif il-fondi Ewropej qed iservu ta’ għodda konkreta biex intejbu l-kwalità tal-ħajja, nippreservaw l-ambjent naturali u noffru aktar spazji ta’ valur għall-komunità. Huwa investiment li jħares lejn il-futur ta’ Għawdex b’mod sostenibbli, filwaqt li jagħti opportunità lill-familji u lill-viżitaturi jgawdu aktar mill-ġmiel uniku ta’ dawn l-inħawi.”
Il-proġett jinkludi:
• Tħawwil ta’ siġar u arbuxxelli endemiċi, flimkien ma’ xogħol fuq il-ħamrija biex titjieb il-kwalità organika tagħha.
• Installazzjoni ta’ sistema ta’ ilma u irrigazzjoni moderna, inklużi pompi, controllers u infrastruttura relatata biex tiġi żgurata l-kura tal-pjanti.
• Restawr ta’ ħitan tradizzjonali tas-sejjieħ, bil-ġebel tal-qawwi (coralline limestone), biex jinżamm il-karattru rurali u kulturali tal-inħawi skont l-istandards tal-awtoritajiet kompetenti.
Permezz ta’ dawn l-interventi, il-proġett li qed isir fuq art tal-Kurja mhux biss se jtejjeb l-ekoloġija tal-inħawi iżda wkoll joffri esperjenza aktar sabiħa u sostenibbli għal dawk kollha li jżuru Ta’ Pinu.
Other Press Releases:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN