Left arrow Go Back

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U L-MINISTERU GĦALL-AFFARIJIET BARRANIN U T-TURIŻMU Id-Deputat Prim Ministru jħabbar żvilupp kruċjali - titjiriet diretti bejn Malta u New York minn Ġunju 2026

pr251580
Date Icon 16/09/2025

F’pass storiku għall-industrija tat-turiżmu Maltija, it-Tlieta filgħaxija, id-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu, Ian Borg, ħabbar skeda ġdida ta’ titjiriet diretti bejn l-Ajruport Internazzjonali John F. Kennedy, fi New York, l-Istati Uniti, u l-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta, li se jibdew fis-sajf li ġej, minn Delta Air Lines.

Din il-linja internazzjonali kkonfermat li se tibda topera tliet titjiriet fil-ġimgħa fuq ajruplan Boeing 767-300, bejn Ġunju u Ottubru. Dan is-servizz se jipprovdi l-konnessjoni diretta tant mistennija bejn Malta u s-suq tal-Amerika ta’ Fuq, inklużi l-Istati Uniti u l-Kanada, filwaqt li jkompli jsaħħaħ il-kooperazzjoni kulturali, ekonomika u komunitarja bejn Malta u l-Istati Uniti.

“Din hija l-bidla li ser tagħmel differenza kbira - ilna naħdmu għaliha matul l-aħħar sena. Hija wkoll konferma tas-sinerġija bejn l-awtoritajiet tat-turiżmu u l-avjazzjoni, l-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta, u l-Ministeru għall-Affarijiet Barranin - inklużi laqgħat ta’ livell għoli li kelli f’Washington aktar kmieni dan ix-xahar,” spjega d-Deputat Prim Ministru.

“It-titjiriet ġodda bejn Malta u l-Istati Uniti se jmexxuna aktar lejn l-għan tagħna li nkunu destinazzjoni b’taħlita ta’ turiżmu ta’ valur miżjud, skont l-għanijiet tal-Istrateġija Nazzjonali tat-Turiżmu 2030, u l-Viżjoni Malta 2050,” żied jgħid Dr Borg.

It-turisti mill-Amerika ta’ Fuq li jivvjaġġaw lejn id-destinazzjonijiet Ewropej huma rikonoxxuti globalment għall-profili soċjoekonomiċi tagħhom - ħafna minnhom ikunu vjaġġaturi bi dħul għoli u interess qawwi fil-kultura, u f’dan ir-rigward Malta u Għawdex joffru firxa wiesgħa ta’ esperjenzi li jistgħu jattirawhom.

Is-swieq Amerikani u Kanadiżi għal Malta raw tkabbir qawwi f’dawn l-aħħar snin, grazzi għal varjetà akbar ta’ konnessjonijiet bl-ajru permezz tal-bidu ta’ titjiriet ġodda mil-linji tal-ajru, kif ukoll pjan ta’ promozzjoni msaħħaħ mill-MTA għal dawn ir-reġjuni, permezz tar-rappreżentanti tagħha fi New York.

Il-preżenza b’saħħitha tad-destinazzjoni Malta fis-suq tal-Amerika ta’ Fuq, hekk kif ikkonfermat b’din it-tħabbira minn Delta Air Lines, hija xhieda ċara tal-impenn tal-awtoritajiet tat-turiżmu sabiex isaħħu l-kontribut tat-turiżmu fl-ekonomija Maltija, billi jidderieġu d-domanda turistika lejn swieq differenti.

Id-Deputat Prim Ministru spjega wkoll li, bħala parti minn strateġija aktar wiesa’, l-Awtorità Maltija għat-Turiżmu (MTA) se tinvesti aktar fondi sabiex tappoġġja din il-konnessjoni diretta transatlantika, kif ukoll opportunitajiet simili, billi talloka fondi li qabel kienu ppjanati għall-promozzjoni ta’ attivitajiet mużikali fis-sajf, sabiex minflok jintużaw għall-promozzjoni ta’ turiżmu kulturali u n-niċeċ turistiċi differenti marbuta miegħu – fosthom it-turiżmu reliġjuż, turiżmu ffukat fuq il-wirt storiku, turiżmu militari, turiżmu tal-arti, u turiżmu gastronomiku.

Dan il-bidla strateġika se tgħin sabiex id-destinazzjoni Malta tikseb it-trasformazzjoni meħtieġa fit-taħlita ta’ sorsi ta’ turisti tagħha, fis-snin li ġejjin.

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU  “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexxejja tal-UE għax Malta ilha mill-bidu nett timbotta favur soluzzjoni għall-paċi” – Il-Prim Ministru Robert Abela

PR261926

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR EUROPEAN FUNDS, SOCIAL DIALOGUE AND CONSUMER PROTECTION  European funding through the Erasmus+ programme to strengthen educators’ professional development

PR261925EN

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR EUROPEAN FUNDS, SOCIAL DIALOGUE AND CONSU...

More Press Releases Right arrow