STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI, L-ISPORT, IŻ-ŻGĦAŻAGĦ, IR-RIĊERKA U L-INNOVAZZJONI U S-SEGRETARJAT PARLAMENTARI GĦAX-XOGĦLIJIET PUBBLIĊI Il-President tal-FIFA jinawgura l-ewwel FIFA Arena mini-football pitch f’Malta
Dalgħodu l-President tal-Fédération Internationale de Football Association (FIFA) Gianni Infantino, flimkien mal-Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Clifton Grima, is-Segretarju Parlamentari għax-Xogħolijiet Pubbliċi Omar Farrugia, u l-President tal-Assoċjazzjoni Maltija tal-Football Bjorn Vassallo, inawgura l-ewwel FIFA Arena mini-football pitch fil-Kulleġġ Maria Regina, Skola Primarja San Pawl il-Baħar.
Għal din l-inawgurazzjoni attendew ukoll diversi mistednin distinti u uffiċjali kif ukoll il-leġġendi tal-football Fabio Cannavaro u Christian Vieri li taw opportunità eċċellenti lit-tfal biex jiltaqgħu ma' żewġ ikoni sportivi.
Il-proġett FIFA Arena huwa inizjattiva globali ta' din l-Assoċjazzjoni li kienet imnedija mill-President tagħha Gianni Infantino li għandha l-għan li jinbnew 1,000 pitch żgħar tal-futbol f'komunitajiet differenti madwar id-dinja. L-inizjattiva għandha l-għan li tipprovdi spazji siguri u inklużivi fejn it-tfal jistgħu jilgħabu, jitgħallmu u jikbru, filwaqt li tippromwovi wkoll l-iżvilupp u l-edukazzjoni fil-futbol.
Il-Kulleġġ Maria Regina Primarja San Pawl il-Baħar ġie magħżul minħabba d-diversità preżenti fl-iskola.
Waqt l-inawgurazzjoni l-President tal-FIFA Gianni Infantino qal li jinsab onorat li llum qed jinawgura l-ewwel FIFA Arena f'Malta fil-125 anniversarju tal-MFA. “Hawnhekk stajt nara l-impenn biex jitħejja ambjent sigur u inklużiv għal aktar minn 700 student. FIFA tqiegħed iż-żgħażagħ fil-qalba tal-iżvilupp tal-football, u din l-Arena f'Malta se toffri spazju fejn it-tfal jitgħallmu, jilagħbu u jikbru, filwaqt li tħeġġeġ l-inklużjoni u tpoġġi tbissima fuq wiċċhom."
Il-Ministru Clifton Grima qal li l-FIFA Arena hija investiment fil-benessri tat-tfal: “Dan il-proġett huwa wkoll prova konkreta tal-impenn tal-Gvern biex nipprovdu l-aqwa opportunitajiet għall-istudenti tagħna – mhux biss fil-klassi, imma wkoll lil hinn minnha. L-isport jinkorpora valuri essenzjali bħal dixxiplina, reżiljenza, inklużjoni u rispett – valuri li rridu naraw jissaħħu u jiffjorixxu fost it-tfal tagħna. Din l-Arena mhijiex biss spazju fejn jintlagħab il-futbol, imma wkoll ambjent fejn il-ħbiberiji jistgħu jissaħħu, it-talenti jiġu żviluppati, u jitrawmu drawwiet ta' ħajja b'saħħitha li għal tul il-ħajja kollha".
Is-Segretarju Parlamentari Omar Farrugia, nnota b'sodisfazzjon l-inawgurazzjoni tal-arena l-ġdida tal-football għat-tfal, fejn enfasizza l-ħidma tad-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi fl-iżgurar ta' faċilitajiet moderni u siguri li mhux biss isaħħu l-isport iżda wkoll jinvestu fil-futur tat-tfal permezz tal-valuri ta' ħidma fi grupp, dixxiplina u rispett. Huwa laqa' t-tema tal-FIFA “Football Unites the World", u tenna li jinsab kburi bil-ħaddiema tad-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi li frott l-impenn tagħhom din il-ħolma tal-ewwel FIFA Arena f'Malta issa saret realtà.
Il-President tal-MFA Bjorn Vassallo laqa' t-tema tal-FIFA “Football Unites the World", u tenna li dan il-proġett huwa “xhud ta' kif l-isport jista' jgħaqqad lill-Gvern, lill-edukaturi u lit-tfal fl-ispirtu ta' għaqda u opportunitajiet ġodda."
L-avveniment intemm b'partita żgħira tal-football bejn it-tfal biex jingħataw l-opportunità jgawdu l-faċilitajiet il-ġodda.
Other Press Releases:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN