STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AMBJENT, L-ENERĠIJA U L-INDAFA PUBBLIKA Misraħ il-Karmelitani: minn triq għal spazju miftuħ
Waqt żjara fuq il-post mill-Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Indafa Pubblika Miriam Dalli ġie spjegat kif it-triq se tiġi ttrasformata fi spazju biex jitgawda minn kulħadd.
“B’dan l-investiment se nkunu qed nagħtu lura lir-residenti taż-Żurrieq, spazju miftuħ ieħor fejn jistgħu jiltaqgħu u jissoċjalizzaw flimkien. Permezz ta’ dan il-proġett qed naraw li 2,200 resident se jgawdu minn spazju fejn jiġbor lill-komunità flimkien,” qalet il-Ministru Dalli.
Bħala parti mill-proġett se jinħoloq ġibjun biex jiġbor fih l-ilma tax-xita mit-triq u minflok jintuża għat-tisqija tas-siġar u l-arbuxelli indiġeni. Se tiġi installata wkoll sistema ġdida ta’ dawl li tinkludi dawl solari kif ukoll bankijiet li flimkien joħolqu spazju rikreattiv. Se jkun hemm żona fejn isiru sezzjonijiet tal-yoga.
Preżenti għaż-żjara kien hemm ukoll it-tim ta' Project Green u s-Sindku taż-Żurrieq Rita Grima.
Il-Project Manager ta’ Project Green, Joseph Borda spjega kif l-Aġenzija se tkompli tipprovdi aktar spazji miftuħa biex ir-residenti jgawdu minn spazji miftuħa 10 minuti mixi minn fejn jgħixu jew jaħdmu. “Bħal kull proġett ieħor rajna li nżommu elementi sostenibbli, hekk kif dan l-ispazju miftuħ se jkollu fih tgħamir tal-logħob għat-tfal żgħar magħmul minn materjal riċiklabbli flimkien ma’ passaġġi magħmul bil-mulch, materjal organiku li jtejjeb il-ħamrija,” żied jgħid Joseph Borda.
Il-proġett Misraħ il-Karmelitani fiż-Żurrieq, kien fost 16-il proġett li tħabbru minn Project Green permezz tal-iskema Community Greening Grant.
Other Press Releases:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN