STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AKKOMODAZZJONI SOĊJALI U AFFORDABBLI: Medja ta' aktar minn applikazzjoni kuljum qed tiġi approvata għal stairlifts
Mit-tnedija tal-iskema ġew approvati mat-3000 applikazzjoni għal stairlift, b'investiment ta' aktar minn €18-il miljun
Waqt konferenza tal-aħbarijiet, il-Ministru għall-Akkomodazzjoni Soċjali u Affordabbli Roderick Galdes ħabbar li sal-aħħar tax-xahar li għadda, għall-iskema tas-stairlifts, diġà ġew investiti aktar minn €4.5 miljun.
L-għan prinċipali ta' din l-iskema huwa sabiex tgħin lill-anzjani b'diżabilità jew persuni bi problemi ta' mobbilità jsaħħu l-aċċessibilità fi djarhom.
Għal din l-iskema, bejn l-2023 u dis-sena, ġew approvati aktar minn 1,600 stairlift f'diversi residenzi f'Malta u Għawdex. Fil-fatt, din is-sena diġà kien hemm 454 applikazzjoni approvata. Dan wassal għal medja ta' aktar minn applikazzjoni kuljum li qed tiġi approvata.
“Minn mindu tnediet din l-iskema ġew approvati kważi mat-3000 applikazzjoni, b'investiment t'aktar minn €18-il miljun. Sabiex l-anzjani tagħna jkollhom il-possibilità li jibqgħu jgħixu fil-komunità u fi djarhom irridu nipprovdulhom ċertu servizzi, bħal din l-iskema, biex tissaħħaħ l-aċċessibilità. Bil-fatti qed inwieżnu lill-anzjani u dawk bi problemi ta' mobbiltà jew ħtiġiet partikolari sabiex ikollhom kwalità ta' ħajja aħjar," sostna l-Ministru Galdes.
L-iskema tas-stairlift, amministrata mill-Awtorità tad-Djar, taħseb biex tiffinanzja sa €7000 min-nefqa għall-installazzjoni ta' stairlift.
Il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità tad-Djar, Matthew Zerafa stqarr li l-Awtorità tad-Djar, bl-inizjattivi tagħha, qed tassigura li n-nies jibqgħu jgħixu b'dinjità u indipendenza fil-komunitajiet li trabbew fihom.
Other Press Releases:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN