STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦALL-AFFARIJIET BARRANIN U T-TURIŻMU: L-organizzazzjoni akkademika internazzjonali t-Forum tibda topera minn Malta, fi ftehim strateġiku ġdid mal-Malta Tourism Observatory
Id-Deputat Prim Ministru Ian Borg u l-Professur Jafar Jafari jinawguraw librerija ġdida b'1,000 pubblikazzjoni dwar it-turiżmu
t-Forum, l-organizzazzjoni akkademika rinomata li taħdem biex tqarrab lejn xulxin l-akkademja u l-industrija tat-turiżmu, ser tibbaża l-operat internazzjonali tagħha f'Malta, wara ftehim storiku mal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu (MTA) u l-Malta Tourism Observatory.
Id-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu Ian Borg ippreseda l-iffirmar tal-ftehim fl-uffiċċji tal-MTA, din il-ġimgħa. Il-ftehim ġie ffirmat mill-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità, Carlo Micallef, mid-Direttur Maniġerjali tal-Malta Tourism Observatory, Leslie Vella, u mill-Professur Jafar Jafari, f'isem t-Forum, fil-preżenza tal-President tal-Awtorità, Charles Mangion. Il-Professur Jafari huwa studjuż ta' fama globali, rispettat bħala pijunier fl-istudji tat-turiżmu.
Permezz ta' din il-kollaborazzjoni strateġika mal-MTA u l-Osservatorju, t-Forum Malta se tkompli twettaq il-missjoni tagħha, sabiex l-għarfien akkademiku jitwassal għand destinazzjonijiet u negozji turistiċi, bl-għajnuna ta' diversi universitajiet u istituzzjonijiet edukattivi oħra, filwaqt li tidentifika sorsi ta' tagħrif u riċerka turistika f'din l-istess industrija.
t-Forum Malta se tibda toħroġ ukoll pubblikazzjoni perjodika bl-isem 'The Bridge', sabiex fiha tagħti sinteżi ta' riċerki u artikli mill-aqwa ġurnali akkademiċi, għall-benefiċċju tal-mexxejja tal-industrija turistika madwar id-dinja.
Wara ċ-ċerimonja tal-iffirmar, id-Deputat Prim Ministru Borg u l-Professur Jafar Jafari inawguraw ukoll il-Librerija Jafar Jafari, fl-uffiċċji tal-Malta Tourism Observatory. Fiha tinkludi aktar minn 1,000 pubblikazzjoni mill-kollezzjoni personali tal-Professur Jafari, li huwa rregala lill-Osservatorju aktar kmieni din is-sena. Din il-librerija speċjalizzata toffri firxa t'għarfien dwar it-turiżmu, u se tkun disponibbli għal akkademiċi, studenti, operaturi turistiċi u dawk kollha li għandhom sehem f'din l-industrija, f'Malta u lil hinn minnha.
Id-Deputat Prim Ministru esprima l-appoġġ u s-sodisfazzjon tiegħu għal din l-inizjattiva, li qed tpoġġi lil Malta fuq quddiem nett fil-kollaborazzjoni u l-istudju internazzjonali tat-turiżmu. “Għal darb' oħra, pajjiżna jibqa' juri l-kapaċità li joffri ferm aktar minn kemm mistenni, hekk kif kontinwament jagħmel permezz tas-sehem ewlieni tagħna f'organizzazzjonijiet u ħidmiet globali simili," qal Dr Borg.
Il-Professur Jafar Jafari rringrazzja lil Malta talli laqgħet lil t-Forum, u esprima t-twemmin qawwi tiegħu li din il-kollaborazzjoni se jkollha rwol importanti fit-tixrid tal-għarfien fost il-komunità internazzjonali tat-turiżmu, għal ħafna snin oħra.
L-Uffiċjal Kap Eżekuttiv tal-MTA, Carlo Micallef, qal li l-Awtorità Maltija għat-Turiżmu b'sodisfazzjon qed tappoġġja lil Malta Tourism Observatory sabiex tospita lil t-Forum f'Malta. “Dan il-ftehim iżid dimensjoni oħra rilevanti u importanti mal-funzjonijiet varji li l-Awtorità twettaq," żied jgħid.
Fost proġetti oħra, is-sena d-dieħla t-Forum Malta se torganizza konferenza internazzjonali f'Malta, b'kollaborazzjoni mat-72 Sessjoni tal-Kummissjoni għat-Turiżmu Ewropew tan-Nazzjonijiet Magħquda, li wkoll se tkun ospitata f'Malta.
Other Press Releases:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN