STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI GĦAX-XOGĦLIJIET PUBBLIĊI Wara 115-il sena, irrestawrat il-kampnar tal-Knisja ta’ San Mark fir-Rabat
Hekk kif il-lokalità tar-Rabat u l-Knisja tal-Agostinjani ta’ San Mark, qegħdin jippreparaw għall-festa tal-Madonna taċ-Ċintura, id-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi lesta r-restawr fuq il-kampnar ta’ din l-istess knisja u li nbena fl-1910. B’hekk, wara 115-il sena, dan il-kampnar ġie rrestawrat biex jingħata lura d-dehra rikka u mill-isbaħ tiegħu.
Fi żjara fuq il-post, is-Segretarju Parlamentari għax-Xogħlijiet Pubbliċi, Omar Farrugia, seta’ jara mill-qrib dan ir-restawr estensiv illi sar fuq dan il-kampnar, liema kampnar jagħmel parti mill-Kunvent tal-Agostinjani u li mar-Rabtin magħruf bħala “il-Kampnar tas-Sultan” minħabba l-pożizzjoni dominanti li jinsab fiha.
Is-Segretarju Parlamentari Farrugia tenna li d-Dipartiment mhux biss irrestawra dan il-kampnar, imma ra li x-xogħol jirrispetta l-estetika u d-disinn oriġinali. Huwa kompla jgħid kif dan ix-xogħol kien skedat li kellu jitlesta f’Diċembru, iżda tlesta qabel, u fil-ħin għall-festa tal-Madonna taċ-Ċintura. B’hekk dan ir-restawr jista’ jibda jitgawda fi żmien fejn ħafna nies ifittxu dan il-post.
Min-naħa tiegħu, Patri Raphael Abdilla mill-Kunvent tal-Agostinjani, filwaqt li rringrazzja lid-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi għal ħidma bir-reqqa, qal li l-kampnar għandu sinifikat importanti għar-Rabtin u dawk kollha li jżuru lil dan il-lokal.
Is-Sindku tar-Rabat, Sandro Craus spjega kif dan il-proġett huwa wieħed importanti għar-Rabtin u stqarr li huwa ta’ sodisfazzjon li dan ir-restawr, li kien ħolma, issa wasal fi tmiemu.
Id-Direttur Ġenerali, il-Perit Nadia Curmi spjegat li minbarra xogħlijiet ta’ restawr, ġiet installata sistema ġdida ta’ dawl ta’ konsum baxx biex iddawwal u tenfasizza l-estetika u l-arkitettura ta’ dan il-kampnar, kif ukoll sistema biex tipproteġi din il-binja mill-maltemp u s-sajjetti.
Dan kollu huwa parti minn ħafna xogħlijiet li d-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi qed jagħmel fi knejjes u parroċċi madwar il-pajjiż.
Other Press Releases:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN