STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI GĦALL-UGWALJANZA U R-RIFORMI: Preżentat rendikont tal-implimentazzjoni tal-Istrateġija u l-Pjan ta' Azzjoni għall-Ugwaljanza LGBTIQ+
Bħala parti mill-Pride Week, saret analiżi tal-progress li sar fl-implimentazzjoni tal-Istrateġija Nazzjonali u l-Pjan ta' Azzjoni għall-Ugwaljanza għal persuni LGBTIQ+ biex jiġu żviluppati għodod u taħriġ li jintegraw l-ugwaljanza u d-drittijiet tal-bniedem fis-setturi kollha tal-amministrazzjoni pubblika.
Dan sar waqt konferenza tat-Taqsima għall-Orjentazzjoni Sesswali, l-Identità u l-Espressjoni tal-Ġeneru u l-Karatteristiċi tas-Sess (SOGIGESC), li kellha t-tema Appartenenza: Ugwaljanza fil-Ħajja ta' Kuljum.
Fid-diskors tagħha waqt il-konferenza, is-Segretarju Parlamentari għall-Ugwaljanza u r-Riformi Rebecca Buttigieg qalet li, “Huwa ċar li fil-klima politika internazzjonali li qed ngħixu fiha, l-ugwaljanza mhjiex garantita. L-ugwaljanza mhijiex xi ħaġa li niksbu darba u npoġġuha fuq l-ixkaffa. Hija xi ħaġa li rridu nibqgħu naħdmu għaliha. Xi ħaġa li trid tiġi mħarsa meta tkun taħt theddida, u msaħħa meta jitfaċċaw l-ixquq. L-istrateġija tagħna tħeġġiġna nimxu lil hinn mis-simboliżmu u niżguraw li kull politika, kull servizz, u kull spazju pubbliku jirrifletti l-prinċipju tad-dinjità għal kulħadd."
Aaron Giardina, Uffiċjal mid-Direttorat għad-Drittijiet tal-Bniedem, semma fost oħrajn li fuq medda ta' 12-il xahar sa Lulju li għadda, taw taħriġ lil 500 uffiċjal fis-servizz pubbliku fosthom edukaturi, uffiċjali tal-pulizija u impjegati fir-Residenza ta' San Vinċenz de Paule fuq suġġetti relatati mal-ugwaljanza tal-persuni LGBTIQ+.
Waqt il-konferenza ttellgħet ukoll diskussjoni bit-titlu 'Nappartjenu u Nissawru: Persuni LGBTIQ+ u l-Istorja Kollettiva Maltija' li esplorat il-progress ta' Malta fl-avvanz tad-drittijiet ċivili għall-persuni LGBTIQ+, u jekk dan il-progress iwassalx għal sens aktar profond ta' appartenenza kulturali u soċjali. Id-diskussjoni analizzat ukoll kif l-identità nazzjonali tista' kemm tafferma kif ukoll teskludi persuni queer, speċjalment f'soċjetà b'għeruq kattoliċi b'saħħithom u bidla soċjali mgħaġġla.
Għal konferenza attendew, fost oħrajn, uffiċjali mid-Direttorat tad-Drittijiet tal-Bniedem fi ħdan is-Segretarjat Parlamentari għall-Ugwaljanza u r-Riformi, għaqdiet tas-soċjetà ċivili u akkademiċi.
Other Press Releases:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN