STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AKKOMODAZZJONI SOĊJALI U AFFORDABBLI Proġett ieħor ta’ riġenerazzjoni fiż-żona ta’ akkomodazzjoni soċjali f’Ħal Tarxien
Il-Ministru għall-Akkomodazzjoni Soċjali u Affordabbli Roderick Galdes żar il-qasam tal-akkomodazzjoni soċjali f'Ħal Tarxien li huwa wieħed minn numru ta' binjiet ta' akkomodazzjoni soċjali li qed jiġu riġenerati.
F'Ħal Tarxien diġà saru xogħlijiet estensivi fuq il-faċċati ta' għadd ġmielu tal-għaxar blokok ta' akkomodazzjoni soċjali li bejniethom jkopru sebgħa u sebgħin appartament. Fuq dan il-proġett ġew investiti madwar €650,000. Ix-xogħlijiet qed isiru mill-Awtorità tad-Djar flimkien mal-Housing Projects Solutions Limited u huma maħsuba biex apparti li ssir riġenerazzjoni, ikun hemm ukoll trasformazzjoni tal-ambjent estetiku tal-post.
Waqt iż-żjara fuq il-post, il-Ministru Galdes irrimarka li dak li qed isir f'Ħal Tarxien mhux proġett ta' darba iżda parti minn katina ta' proġetti f'diversi lokalitajiet maħsuba biex tingħata libsa ġdida lid-diversi oqsma ta' akkomodazzjoni soċjali f'pajjiżna.
“L-għan ewlieni tar-riġenerazzjoni hi li ntejbu l-kwalità tal-ħajja tar-residenti u ngħollu l-istandard tal-inħawi fejn ikunu qed isiru dawn il-proġetti. B'hekk ukoll inkunu qed nindirizzaw l-isfidi li wieħed isib f'suq dinamiku bħal dak tal-akkomodazzjoni," stqarr il-Ministru Galdes.
Huwa sostna li l-Gvern huwa impenjat li jkompli jgħaqqad il-valur tal-kwalità tal-ħajja tar-residenti mas-sostenibbiltà tal-post fejn jgħixu. “Kommessi li nkomplu l-ħidma favur saqaf dinjituż u ambjent ta' kwalità madwar l-oqsma ta' akkomodazzjoni soċjali li jkunu ta' livell għoli b'risq id-dinjità tar-residenti," temm jgħid il-Ministru Galdes.
Xogħlijiet simili ta' riġenerazzjoni saru wkoll fost l-oħrajn fil-Gudja, fil-Mosta, f'Santa Luċija, fil-Marsa, fil-Fgura, f'Ta' Giorni, fiż-Żejtun u fil-Ħamrun.
Other Press Releases:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN