STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI GĦALL-GVERN LOKALI Se jiġu organizzati 53 ‘clean ups’ mill-Kunsilli Lokali madwar Malta u Għawdex
Fl-okkażjoni tal-Jum Dinji għat-Tindif, li jiġi ċċelebrat nhar l-20 ta' Settembru, se jsiru 53 'Clean Up Days' madwar Malta u Għawdex. Dawn se jiġu organizzati mill-Kunsilli Lokali rispettivi b'għajnuna finanzjarja tad-Diviżjoni tal-Gvern Lokali. Dan tħabbar mis-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali, Alison Zerafa Civelli u d-Direttur Ġenerali għad-Diviżjoni tal-Gvern Lokali, Emil Vassallo.
Is-Segretarju Parlamentari Alison Zerafa Civelli qalet kif il-Gvern qed ikompli jsostni l-Kunsilli Lokali sabiex iżommu l-lokalità tagħhom aktar nadifa. Qalet kif din l-inizjattiva se tgħin ukoll sabiex titqajjem kuxjenza akbar dwar l-importanza ta' lokalitajiet iżjed nodfa.
“Il-Gvern flimkien mal-Kunsilli Lokali qed jagħmlu l-almu kollu tagħhom sabiex il-lokalitajiet tagħna jkunu nodfa. Dawn l-attivitajiet huma biss simbolu ta' din il-ħidma li qed isir ta' kuljum, iżda għandhom l-għan li titqajjem aktar kuxjenza fost il-pubbliku. Għaldaqstant l-appell tiegħi huwa sabiex ir-residenti tal-lokalitajiet rispettivi jipparteċipaw f'dawn l-attivitajiet ħalli japprezzaw aktar il-ħidma li ssir ta' kuljum u anke titqajjem kuxjenza dwar l-importanza li jkollna pajjiż nadif," qalet is-Segretarju Parlamentari.
Is-Segretarju Parlamentari Zerafa Civelli nnotat ukoll kif uħud mill-Kunsilli Lokali li jinsabu mal-kosta tal-pajjiż, għażlu li jmorru oltre u jorganizzaw attivitajiet ta' tindif taħt il-baħar. Sostniet kif l-iskart taħt il-baħar huwa ferm iżjed diffiċli biex jinġabar u għalhekk permezz ta' dawn l-attivitajiet mistennija titqajjem aktar kuxjenza wkoll dwar kif għandna nżommu l-ibħra tagħna nodfa.
Min-naħa tiegħu, id-Direttur Ġenerali tal-Gvern Lokali, Emil Vassallo, qal kif din kienet skema oħra ta' suċċess li ħareġ id-Diviżjoni u li l-Kunsilli kkonkorrew għaliha bil-bosta. Semma kif minn żmien għal żmien qed jinħarġu diversi skemi li permezz tagħhom il-Kunsilli Lokali qed ikunu iżjed attivi u jkunu f'pożizzjoni li jagħmlu diversi proġetti infrastrutturali u kulturali.
Il-lokalitajiet fejn se jiġu organizzati l-clean ups huma: Ħal Balzan; il-Mellieħa; il-Mosta; in-Naxxar; San Ġwann; San Pawl il-Baħar; l-Imtarfa; Birkirkara; il-Gżira; Ħal Għargħur; l-Iklin; Tal-Pietà; San Ġiljan; Tas-Sliema; Swieqi; Ta' Xbiex; il-Birgu; Bormla; Ħaż-Żabbar; Fgura; Floriana; il-Kalkara; Paola; Ħal Tarxien; Ħal Qormi; Birżebbuġa; il-Gudja; Ħal Għaxaq; il-Marsa; Marsaskala; Marsaxlokk; Santa Luċija; Santa Venera; Ħaż-Żebbuġ; is-Siġġiewi; Ħad-Dingli; Ħal Kirkop; l-Imqabba; il-Qrendi; ir-Rabat Malta; Ħal Safi; iż-Żurrieq; il-Fontana; Għajnsielem; l-Għasri; Ta' Kerċem; il-Munxar; in-Nadur; il-Qala; San Lawrenz; ix-Xagħra; ix-Xewkija u ż-Żebbuġ.
Other Press Releases:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN