STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRESIDENT Issir iċ-ċerimonja tal-ġurament tal-ħatra ta’ Dr Alexander Borg bħala Kap tal-Oppożizzjoni
L-E.T. Myriam Spiteri Debono, il-President ta’ Malta, ippresediet fuq iċ-ċerimonja tal-ġurament tal-ħatra ta’ Dr Alexander Borg bħala l-Kap tal-Oppożizzjoni ta’ Malta.
Wara l-ħatra, il-President stiednet lill-Kap tal-Oppożizzjoni biex jagħmel kelmtejn, li matulhom qal li, “Dan hu mument kruċjali. Mument li jrid jgħaqqad pajjiż u mhux jifred, b’politika li permezz tagħha ninsew id-differenzi ta’ bejnietna, ninsew il-kulur aħmar jew il-blu u niftakru fil-kulur abjad u aħmar – il-kuluri li jgħaqqduna lkoll bħala poplu wieħed.” Dr Borg wiegħed li se jaħdem biex jara pajjiż aktar magħqud.
Iċ-ċerimonja għalqet b’kelmtejn mill-President, fejn ferħet u awgurat lill-Kap tal-Oppożizzjoni u stednitu biex jaġixxi skont il-kliem ta’ għaqda u ta’ flimkien li bihom esprima ruħu fid-diskorsi tiegħu mindu sar Kap tal-Partit Nazzjonalista.
Il-President temmet billi ħeġġitu li jimpenja liż-żgħażagħ fil-politika, u biex jasal permezz tad-djalogu u diskussjoni kalma.
Other Press Releases:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN