STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-ISPEAKER “Id-demokrazija hi fraġli – intom l-awturi tal-kapitlu li jmiss” – l-Ispeaker tal-Kamra tad-Deputati
Il-Parlament Malti fetaħ beraħ il-bibien tiegħu meta llum reġa’ għal sena oħra laqa’ fi ħdanu l-Parlament Nazzjonali taż-Żgħażagħ 2025, liema seduta kienet ippreseduta mill-Ispeaker tal-Kamra tad-Deputati, Anġlu Farrugia.
Fl-indirizz tiegħu, l-Ispeaker Anġlu Farrugia enfasizza li l-Parlament taż-Żgħażagħ mhuwiex episodju simboliku jew ritwal annwali, iżda, “laboratorju tal-ġejjieni, fejn kull kelma tidħol fl-atti, kull vuċi għandha l-istess piż u kull idea tista’ ssir parti mill-memorja u l-ġrajja ta’ pajjiżna.”
L-Ispeaker tal-Kamra tad-Deputati wissa wkoll dwar il-fraġilità tad-demokrazija u l-ħtieġa li kull ġenerazzjoni ma tkunx spettatur iżda li tagħti sehem attiv fl-irwol demokratiku tagħha fl-istituzzjonijiet. “Id-demokrazija mhix garantita. Tista’ tintilef jekk il-parteċipazzjoni tinbidel fiċ-ċiniżmu jew passività. Intom l-aktar ġenerazzjoni mħarrġa u teknoloġikament mgħammra, għandkom responsabbiltà storika li taraw x’inhuma l-fatti, tattwawhom u li tibqgħu tħarsu l-verità.”
Il-programm iffoka fuq żewġ temi strateġiċi: il-parteċipazzjoni attiva taż-żgħażagħ fil-politika u fl-istituzzjonijiet, u r-rwol kritiku tal-Intelliġenza Artifiċjali fl-edukazzjoni. Ir-riżoluzzjonijiet approvati se jkunu sottomessi lill-kumitati parlamentari kompetenti sabiex jingħataw segwitu istituzzjonali. F’dan il-kuntest, bħala fatt stabbilit, il-Parlament Malti dalwaqt se jkollu wkoll kumitat parlamentari dedikat għall-Intelliġenza Artifiċjali, pass li jpoġġi lil Malta fost l-ewwel pajjiżi fl-Ewropa li jagħtu prijorità parlamentari diretta lil din it-teknoloġija.
Għal din l-okkażjoni kienu preżenti wkoll u indirizzaw lill-parteċipanti Bernice Bonello, Justin Schembri, Ray Abela, il-Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Clifton Grima kif ukoll id-Deputat Speaker David Agius, li mexxa t-tieni parti tal-konferenza.
Il-Parlament Nazzjonali taż-Żgħażagħ 2025, minbarra li baqa’ l-aktar pjattaforma annwali serja ta’ djalogu, proposti u viżjoni, fejn iż-żgħażagħ mhux biss jiġu mismugħa iżda jikkontribwixxu b’mod dirett għall-futur ta’ Malta u għall-viżjoni tagħha sal-2050, din is-sena ġie kkonfermat bħala wieħed mill-attivitajiet uffiċjali tal-Presidenza tal-Kunsill tal-Ewropa.
Other Press Releases:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN