STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦALL-AFFARIJIET BARRANIN U T-TURIŻMU Id-Deputat Prim Ministru Ian Borg f’taħditiet ma’ uffiċjali għolja tal-Gvern Amerikan f’Washington
Id-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu Ian Borg kellu laqgħat ma’ uffiċjali għolja tal-Gvern Amerikan f’Washington, fejn flimkien esploraw possibilitajiet ta’ tisħiħ fil-kollaborazzjonijiet bilaterali fil-kummerċ, konnettività, sigurtà marittima u s-sigurtà enerġetika.
Dr Borg u d-delegazzjoni Maltija kellhom laqgħat mas-Segretarju għall-Finanzi Scott Bessent, mas-Segretarju għall-Intern Doug Burgum u s-Segretarju għall-Enerġija Chris Wright.
Il-ftehim kummerċjali li laħqu bejniethom l-Unjoni Ewropea u l-Istati Uniti fil-ġimgħat li għaddew kien fuq nett tal-aġenda ta’ dawn il-laqgħat. Fit-taħditiet bejniethom, Malta u l-Istati Uniti qablu li dan il-ftehim jiftaħ opportunitajiet ġodda għall-istati membri tal-Unjoni Ewropea u għall-Istati Uniti, speċjalment sabiex tissaħħaħ is-sigurtà enerġetika.
Id-Deputat Prim Ministru Borg u s-Segretarji Burgum u Wright qasmu l-ħsibijiet tagħhom dwar l-istrateġiji ta’ sigurtà enerġetika li jħaddnu ż-żewġ pajjiżi. Tkellmu wkoll dwar is-sehem kruċjali ta’ Malta fl-industrija marittima dinjija, hekk kif is-Segretarji esprimew l-apprezzament tagħhom għall-kooperazzjoni b’saħħitha bejn iż-żewġ pajjiżi fil-qasam tas-sigurtà marittima, anke permezz taċ-Ċentru Globali dwar il-Monitoraġġ tas-Sanzjonijiet Marittimi ġdid ibbażat f’Malta, li qed jibda jopera din is-sena.
Id-Deputat Prim Ministru Borg aġġorna wkoll lis-Segretarji dwar il-ħidma li għaddejja dwar il-konnettività bl-ajru bejn Malta u l-Istati Uniti. F’dan ir-rigward, spjega li l-potenzjal ta’ ftehim ma’ linja tal-ajru Amerikana se jkun kruċjali sabiex ikomplu jissaħħu r-relazzjonijiet bejn iż-żewġ pajjiżi, anke bi prospetti tajbin għal żidiet fil-kummerċ f’diversi oqsma.
Other Press Releases:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN