Left arrow Go Back

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INTERN, IS-SIGURTÀ U X-XOGĦOL Il-proċess biex jinbidlu 160,000 karta tal-identità issa fil-kunsilli lokali

pr251503
Date Icon 03/09/2025

L-aġenzija Identità għaddejja bil-proċess sabiex iġġedded 160,000 karta tal-identità ta’ ċittadini Maltin li kienu ħarġu għaxar snin ilu u li se jkunu qegħdin jiskadu din is-sena. S’issa ġew imġedda 119,679 Karta tal-Identità f’Malta u Għawdex ta’ ċittadini Maltin u Għawdxin.

Dan is-servizz issa se jkun offrut fi ħdan kunsilli lokali differenti madwar Malta fi sforz biex ikun aktar faċli għan-nies li jġeddu l-ID cards tagħhom. B’kollox fadal madwar 72,000 karta tal-identità li għad iridu jiġu mibdula.

Permezz ta’ servizz li ngħata dirett mill-kunsilli lokali l-proċess ta’ tiġdid ta’ Karti tal-Identità fil-gżira Għawdxija permezz tal-kunsilli lokali tlesta. Dan riżultat ta’ sforz biex il-proċess jiġi mħaffef u biex ikun dejjem eqreb taċ-ċittadin.

Dan kollu fi sfond ta’ xogħol importanti li sar biex ġew estiżi l-ħinijiet tal-ftuħ tat-Taqsima tal-Karta tal-Identità sabiex tkun aktar faċli għal dak li jkun biex jinqeda. Inħolqot sistema ta’ one-stop shop u żdiedu d-desks minn fejn jinqdew il-klijenti permezz ta’ bosta sejħiet biex ikunu ingaġġati aktar ħaddiema fuq bażi temporanja u part-time.

Waqt l-EXPO ta’ din is-sena, Identità pprovdiet is-servizz tat-tiġdid tal-Karta tal-Identità fejn saru rekord ta’ 860 applikazzjoni – żieda ta’ aktar minn 60% tal-applikazzjonijiet sottomessi s-sena li għaddiet waqt l-istess avveniment.

Karta ta’ identità għandha validità ta’ għaxar snin u kull ċittadin huwa obbligat jara li jekk il-karta tal-identità skadiet, jew waslet biex tiskadi, japplika biex iġeddidha fit-Taqsima tal-Karta tal-Identità f’Gattard House, il-Blata l-Bajda jew mill-kunsilli lokali madwar Malta.

Waqt it-tnedija ta’ dan is-servizz, il-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà u x-Xogħol Byron Camilleri spjega li, “Għall-kuntrarju ta’ dak li kien jiġri qabel, meta l-Maltin u l-Għawdxin kollha kellhom karta tal-identità skaduta, l-aġenzija Identità llum il-ġurnata qed tagħti prijorità assoluta għat-tiġdid effiċjenti u effikaċi tal-karti tal-identità. Dan qed isir għaliex l-aġenzija investiet sew fl-għodda biex taħdem u anke fir-riżors uman. Dan qed isir bl-aktar mod viċin in-nies, fil-kunsilli lokali tagħhom.”

Il-Kap Eżekuttiv ta’ Identità, Edric Zahra, qal li l-aġenzija qed testendi dan is-servizz fil-lokalitajiet sabiex il-pubbliku jinqeda aħjar u fil-kumdità tal-lokalità rispettiva tiegħu, b’inqas skariġġ, fid-dawl taż-żieda fit-talbiet għas-servizzi mogħtija minn Identità. Spjega li s-servizz mill-kunsilli lokali se jkun għal tiġdid ta’ dan id-dokument, u f’każ li detenturi għandhom bżonn jibdlu xi dettall bħal kunjom jew indirizz, jew inkella tilfu l-karta tal-identità tagħhom, dawn iridu jmorru fit-Taqsima tal-Karta tal-Identità, f’Gattard House, il-Blata l-Bajda u jagħmlu appuntament għat-tiġdid mis-sit elettroniku tal-aġenzija Identità: https://eidbooking.identita.gov.mt/v2/ 

Il-karta tal-identità kienet saret obbligatorja bil-liġi 49 sena ilu għal dawk li jagħlqu 18-il sena u llum il-ġurnata dan l-obbligu niżel għal 14-il sena. Il-karti tal-identità ġodda għandhom għadd ta’ karatteristiċi ta’ sigurtà b’saħħithom biex l-identità tal-persuna titħares u tagħmilha aktar diffiċli biex tiġi manipulata.

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INTERN, IS-SIGURTÀ U X-XOGĦOL Il-proċess biex jinbidlu 160,000 karta tal-identità issa fil-kunsilli lokali
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INTERN, IS-SIGURTÀ U X-XOGĦOL Il-proċess biex jinbidlu 160,000 karta tal-identità issa fil-kunsilli lokali
Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU  “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexxejja tal-UE għax Malta ilha mill-bidu nett timbotta favur soluzzjoni għall-paċi” – Il-Prim Ministru Robert Abela

PR261926

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR EUROPEAN FUNDS, SOCIAL DIALOGUE AND CONSUMER PROTECTION  European funding through the Erasmus+ programme to strengthen educators’ professional development

PR261925EN

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR EUROPEAN FUNDS, SOCIAL DIALOGUE AND CONSU...

More Press Releases Right arrow