STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAS-SAĦĦA U L-ANZJANITÀ ATTIVA ‘YOU Matter’ – it-tema prinċipali li se tippromwovi s-saħħa mentali fl-isport
‘YOU Matter’ hija t-tema prinċipali li se tippromwovi s-saħħa mentali fl-isport, permezz ta’ kollaborazzjoni bejn il-Ministeru għas-Saħħa u l-Anzjanità Attiva u l-Malta Football Association (MFA). Ħabbru dan il-Ministru għas-Saħħa u l-Anzjanità Attiva Jo Etienne Abela u l-President tal-MFA Bjorn Vassallo.
Fl-okkażjoni t’għeluq il-125 sena mit-twaqqif tal-MFA, se tiġi organizzata l-Jubilee Cup fejn timijiet minn amateurs sa timijiet tal-ogħla livell fil-football Malti se jikkompetu għal dan l-unur prestiġjuż. Permezz ta’ din il-kollaborazzjoni, din il-kompetizzjoni se tippromwovi l-ħarsien tas-saħħa mentali hekk kif il-captains tat-timijiet rispettivi se jkunu qed jilbsu l-faxxa ‘YOU Matter – Ċempel 1579’.
Il-Ministru Jo Etienne Abela esprima sodisfazzjon li permezz tal-futbol qed issir din il-kollaborazzjoni fejn qed ikomplu jippromwovu miżuri favur il-ħarsien tas-saħħa mentali. Stqarr li s-saħħa mentali hija kruċjali biex is-saħħa fiżika tkun sana u għalhekk il-Ministeru se jkompli jara kif jikkollabora kemm fuq is-saħħa mentali u anke fuq kampanji oħra biex iwassal messaġġi ta’ ħarsien tas-saħħa permezz tal-isport.
“Importanti li nkomplu nfakkru n-numru 1579 fejn persuni li jiffaċċjaw sfidi ta’ saħħa mentali jistgħu jsibu għajnuna 24/7. Kommessi li flimkien inkomplu naħdmu kemm mal-MFA kif ukoll m’oqsma sportivi oħra favur kampanji tas-saħħa li minnhom jibbenefikaw il-Maltin u l-Għawdxin,” temm jgħid il-Ministru Abela.
Min-naħa tiegħu, il-President tal-MFA Bjorn Vassallo qal, “Dan il-ftehim mal-Ministeru għas-Saħħa u l-Anzjanità Attiva jippermettilna nwasslu messaġġ qawwi permezz tal-futbol, partikolarment bil-Malta FA Jubilee Cup, kompetizzjoni importanti li tiċċelebra l-125 Anniversarju tal-Assoċjazzjoni.”
“Matul is-snin, fittxejna li nużaw il-qawwa tal-futbol biex nikkomunikaw kwistjonijiet soċjali ewlenin, u permezz ta’ din il-kampanja tal-Ministeru se tippermettilna nkomplu nżidu l-għarfien dwar is-saħħa mentali.” Il-President tal-Malta FA rringrazzja lill-Ministeru għas-Saħħa u Anzjanità Attiva talli appoġġja l-Malta FA Jubilee Cup u għaraf il-potenzjal tal-logħba li tispira bidla pożittiva.
Other Press Releases:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN