STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAL GĦAWDEX U L-IPPJANAR Jiftħu n-nominazzjonijiet għall-10 edizzjoni tal-Gozo Sports Awards
Il-Ministru għal Għawdex u l-Ippjanar Clint Camilleri ħabbar li d-Direttorat tas-Servizzi għal Għawdex fi ħdan il-Ministeru għal Għawdex u l-Ippjanar ser jorganizza l-10 edizzjoni tal-Gozo Sports Awards fejn għal sena oħra, sportivi Għawdxin ser jiġu ppremjati għall-avvanzi tagħhom f'diversi dixxiplini sportivi.
Il-Ministru Clint Camilleri stqarr li “dawn l-awards qegħdin biex bħala gżira nirrikonoxxu l-isforzi u s-suċċessi tal-isportivi tagħna u għaldaqstant inħeġġeġ lil kulħadd sabiex idaħħal in-nominazzjoni tiegħu biex imbagħad Bord apposta se jkun qed jevalwa u jagħmel ix-shortlisting. Din hija attività importanti ferm sabiex inkomplu nippromwovu l-isports fil-gżira Għawdxija." Huwa kompla jgħid li dan il-Gvern minn dejjem ħadem sabiex ikun ta' sostenn għall-isportivi kollha tagħna u jirrikonoxxi dak kollu li jirnexxilhom jiksbu.
L-assoċjazzjonijiet u l-klabbs huma mistiedna jissottomettu n-nomini tagħhom għal waħda jew aktar minn dawn il-kategoriji bbażati fuq wirjiet u kisbiet fis-sena 2024 f'avvenimenti li seħħew f'Għawdex, f'Malta jew barra minn Malta. Individwi jistgħu jinnominaw individwu ieħor biss meta ma jkunx hemm klabb jew assoċjazzjoni tal-isport rispettiv. Fejn hemm assoċjazzjoni jew klabb, in-nominazzjonijiet ma jistgħux jiġu sottomessi minn individwi.
Il-kategoriji li se jkunu ppremjati huma dawn:
- Uffiċjal tas-sena: persuna li sservi fl-amministrazzjoni f'Assoċjazzjoni, Klabb jew avveniment;
- Kowċ tas-Sena: persuna kwalifikata li kienet ingaġġata minn Assoċjazzjoni, Klabb jew selezzjoni reġjonali;
- It-Tim tas-Sena: tim li rrapreżenta lill-Għawdex jew Klabb lokali;
- Rikonoxximent għal Atleta attiv 'il fuq minn 45 sena (magħżul mid-Direttorat tas-Servizzi fi ħdan il-Ministeru għal Għawdex u l-Ippjanar);
- Rikonoxximent għal Karriera Sportiva: (magħżul mid-Direttorat tas-Serizzi fi ħdan il-Ministeru għal Għawdex u l-Ippjanar);
- Rikonoxximent Specjali Special Olympics (magħżul mid-Direttorat tas-Servizzi fi ħdan il-Ministeru għal Għawdex u l-Ippjanar);
- Żagħżugħa promettenti: Żagħżugħa ta' mhux aktar minn 21 sena li rrappreżentat lil Għawdex jew Klabb lokali;
- Żagħżugħ promettenti: Żagħżugħ ta' mhux aktar minn 21 sena li rrappreżenta lil Għawdex jew Klabb lokali;
- Sportiva tas-Sena: Sportiva mhux nominata fil-kategorija Żagħżugħa Promettenti li rrappreżentat lil Għawdex jew Klabb lokali; u
- Sportiv tas-Sena: Sportiv mhux nominat fil-kategorija Żagħżugħ Promettenti li rrappreżenta lil Għawdex jew Klabb lokali.
L-applikazzjonijiet għall-Gozo Sports Awards ser jiftħu, it-Tnejn 25 ta' Awwissu 2025, u wieħed jista' japplika online fuq mygozo.gov.mt jew minn fuq gozo.gov.mt. Dawn għandhom jiġu sottomessi sa nofsinhar ta' nhar il-Ġimgħa 12 ta' Settembru 2025. Ir-riżultati ser jitħabbru waqt is-serata finali li ser issir nhar il-Ħamis, 9 ta' Ottubru, 2025.
Il-Ministru għal Għawdex u l-Ippjanar Clint Camilleri temm jgħid li l-Ministeru huwa kommess li jkompli jagħti l-appoġġ lill-isportivi Għawdxin sabiex dawn ikomplu jagħmlu isem għal pajjiżna anki barra minn xtutna.
Other Press Releases:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN