STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT GĦAŻ-ŻGĦAŻAGĦ, IR-RIĊERKA U- L-INNOVAZZJONI: NeuroBCI: Proġett ġdid ta' €255,000 jagħti leħen ġdid lill-persuni li ma jistgħux jitkellmu
Persuni li jbatu minn kundizzjonijiet bħall-ALS u paraliżi severa se jkollhom il-possibiltà li jerġgħu jsemmgħu leħinhom permezz ta' sistema innovattiva ta' brain-computer interface. Proġett ġdid imniedi l-Ħamis filgħodu f'Dar Bjorn, bl-isem ta' “NeuroBCI: Empowering ALS patients through brain-computer interfaces." Dan il-proġett, li se jkun qed isir fuq perjodu ta' 24 xahar b'finanzjament ta' €255,000 mis-Segretarjat għaż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni, hu frott ta' kollaborazzjoni bejn il-Gvern u l-Università ta' Malta.
Is-Segretarju Parlamentari għaż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni, Keith Azzopardi Tanti, qal li “Dan il-proġett hu eżempju ċar ta' x'inhu l-għan tar-riċerka u l-innovazzjoni: mhux kummerċ, mhux gadgets, imma komunikazzjoni, relazzjoni u dinjità. Din hija rivoluzzjoni vera li tirrestawra sens ta' libertà u identità personali għal dawk li għal snin twal ma kellhomx mezz ieħor ta' komunikazzjoni. Bħala Gvern se nibqgħu determinati ninvestu f'aktar proġetti bħal dawn, li jagħtu vuċi lil min tilef u li jibnu soċjetà fejn ħadd ma jibqa' lura."
Il-Professur Inġinier Tracey Camilleri, li qed tmexxi l-proġett, spjegat li “Permezz ta' din is-sistema, persuni li ma jistgħux jitkellmu jew jimxu jkunu jistgħu jiktbu messaġġ, jinteraġixxu fuq il-midja soċjali jew iwettqu komunikazzjoni bażika bħal 'iva' jew 'le'. Għal ħafna minna dan jidher xi ħaġa minima, iżda għal min ilu snin fl-iskiet, dan hu rigal kbir. Il-proġett ser jagħti wkoll opportunità lin-nies stess biex jittestjaw u jgħinu jtejbu s-sistema, sabiex tkun affidabbli u prattika għall-ħajja ta' kuljum."
Maria Formosa, Segretarju Eżekuttiv tal-fondazzjoni ALS Malta, qalet li “Dan il-proġett, li sar possibbli grazzi għall-appoġġ tas-Segretarju Parlamentari għaż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni, huwa pont bejn moħħ brillanti u d-dinja ta' madwaru. Huwa turija ċara ta' x'jista' jagħmel il-poplu Malti meta jingħaqad flimkien. U hawnhekk nixtieq nappella għall-għajnuna tagħkom. Ir-riċerka tiswa l-flus. It-teknoloġija tiswa l-flus. Imma t-tama li tagħti, dik imprezzabbli. Il-ġimgħa d-dieħla se jkollna l-maratona annwali tagħna. Kull ċenteżmu li tagħtu se jmur biex inkomplu ngħinu nies bħal Bjorn jgħixu ħajja aħjar u biex inkunu nistgħu nibqgħu ngħidu lil nies bħal Bjorn: Miegħek Jien."
Dan il-proġett mhux biss jikkonferma r-rwol ta' Malta bħala pajjiż żgħir imma b'viżjoni kbira, iżda wkoll juri kif il-kollaborazzjoni bejn il-komunità xjentifika, il-Gvern u l-fondazzjonijiet, tista' twassal għal bidla konkreta fil-ħajja tan-nies.
Other Press Releases:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN