STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AMBJENT, L-ENERĠIJA U L-INDAFA PUBBLIKA: Solar farm ieħor fl-impjant tar-Reverse Osmosis ta' Lapsi; issa mqabbad mal-grid bħala parti mill-proġett tal-green bonds
Solar farm b'888 panella fotovoltajika fl-impjant tar-Reverse Osmosis ta' Lapsi issa jinsab konness mal-grid tal-elettriku.
Dan tħabbar mill-Ministru għall-Ambjent u l-Enerġija, Miriam Dalli, li żaret is-sit flimkien mal-Kap Eżekuttiv tal-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma (WSC) Karl Cilia, fejn ġie spjegat kif dan il-proġett huwa parti mill-inizjattivi kontinwi tal-Green Bonds tal-Korporazzjoni sabiex itejbu l-infrastruttura tal-enerġija rinnovabbli ta' Malta filwaqt li jnaqqsu l-impatt ambjentali tagħhom.
B'investiment ta' €600,000 ffinanzjat mill-green bonds, din l-installazzjoni solari tkopri żona ta' saqaf ta' 3,300m² u tinkludi 888 panella fotovoltajiċi (PV), kull waħda b'kapaċità ta' 580 Wp. Is-sistema, b'kapaċità totali ta' 515 kWp, mistennija tiġġenera madwar 820,000 kWh ta' enerġija nadifa kull sena. Din il-produzzjoni hija biżżejjed biex tipprovdi enerġija għal madwar 190 dar kull sena, tnaqqas b'mod sinifikanti d-dipendenza fuq il-fossil fuels u tikkontribwixxi għat-trasformazzjoni kontinwa tal-operat tal-Korporazzjoni f'wieħed aktar sostenibbli u effiċjenti.
“Bi proġetti bħal dan, mhux biss qed ninvestu f'enerġija aktar nadifa, iżda wkoll fil-futur ta' Malta. Permezz tal-inizjattiva tal-Green Bonds, qed niżguraw li l-investiment pubbliku jmur fi tkabbir sostenibbli, l-awtonomija fl-użu tal-enerġija, u t-tnaqqis tal-emissjonijiet, u b'hekk noħolqu legat għall-ġenerazzjonijiet li ġejjin," qalet il-Ministru Miriam Dalli.
Il-Kap Eżekuttiv tal-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma, Karl Cilia sostna, “Dan huwa t-tmiem ta' proġett ieħor ta' enerġija solari f'Lapsi. Dan il-proġett huwa eżempju ċar tal-impenn kontinwu tal-Korporazzjoni lejn is-sostenibbiltà u r-responsabbiltà ambjentali. Aħna kburin li l-Korporazzjoni qed tmexxi l-impenn ta' Malta, billi tkun pijuniera fi proġetti ekoloġiċi innovattivi fuq skala kbira li mhux biss jikkontribwixxu għall-għanijiet tal-enerġija rinnovabbli nazzjonali iżda wkoll imexxu 'l quddiem il-futur tal-iżvilupp sostenibbli fl-industrija kollha."
Din l-installazzjoni solari tappoġġja wkoll il-miri wiesgħa tal-Korporazzjoni f'termini ta' sostenibbiltà, inkluż l-investiment kontinwu f'sorsi ta' enerġija rinnovabbli.
Bħala parti mill-impenn kontinwu lejn investiment sostenibbli, il-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma qed tuża l-qligħ mill-ewwel Green Bonds ta' Malta, li ġew introdotti sentejn ilu, biex tiffinanzja proġetti bħal dawn. Il-Green Bonds jipprovdu opportunità għal investituri biex jappoġġjaw inizjattivi li ma jagħmlux ħsara lill-ambjent bħas-sistema tal-enerġija solari Lapsi, u b'hekk jikkontribwixxu għall-miri ambjentali ambizzjużi ta' Malta. Għal aktar dettalji dwar il-Green Bonds, u biex taċċessa l-għodda ta' monitoraġġ online żur clearflowplus.com
Ritratti: MEEC
Other Press Releases:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN