STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AMBJENT, L-ENERĠIJA U L-INDAFA PUBBLIKA U L- MINISTERU GĦALL-FONDI EWROPEJ U L-IMPLIMENTAZZJONI TAL-PROGRAMM ELETTORALI Għaddejjin ix-xogħlijiet fir-Riżerva Naturali tas-Simar
Għaddej b’mod attiv ix-xogħol fir-Riżerva Naturali tas-Simar, fejn medda ta’ art mitluqa ta’ 4,000m² qed tiġi trasformata f’estensjoni tar-riżerva. Dan l-investiment huwa ffukat fuq ir-restawr ambjentali u l-aċċess pubbliku.
“Qed niffukaw fuq riżultati konkreti fejn jgħixu n-nies; noħolqu spazji miftuħa u fl-istess ħin nipproteġu l-bijodiversità tagħna. Din hija t-tmexxija responsabbli, speċjalment quddiem l-isfidi tat-tibdil fil-klima u t-telf tal-bijodiversità,” qalet il-Ministru għall-Ambjent, Miriam Dalli, waqt żjara fuq il-post, u żiedet tgħid li ladarba jitlesta, dan is-sit se jkun spazju aċċessibbli għall-madwar 700 resident li jgħixu mal-għaxar minuti mixi ’l bogħod.
Il-Ministru għall-Fondi Ewropej u l-Implimentazzjoni tal-Programm Elettorali, Stefan Zrinzo Azzopardi, tenna kif permezz tal-fondi Ewropej qed isir investiment kontinwu f’siti ta’ valur ambjentali għoli bħal dak tar-Riżerva Naturali tas-Simar. Huwa spjega li dan il-proġett qed jiffoka fuq afforestazzjoni, xogħlijiet ta’ irrigazzjoni u miżuri kontra n-nirien, u qed jitwettaq grazzi għal 75% finanzjament mill-Unjoni Ewropea u 25% mill-Gvern Malti. Il-Ministru Zrinzo Azzopardi qal “Il-fondi Ewropej qed jagħtuna l-opportunità li nħarsu u nsaħħu l-bijodiversità ta’ pajjiżna. B’dawn l-investimenti mhux biss inkunu qed intejbu l-ambjent naturali, iżda wkoll inkunu qed noħolqu aktar spazji miftuħa u sostenibbli għall-familji Maltin u Għawdxin.”
Ir-Riżerva Naturali tas-Simar huwa santwarju protett għall-għasafar li jinsab f’wied agrikolu fit-Tramuntana ta’ Malta. Is-Simar joffri diversi ħabitats fosthom qasab u ġonna ta’ siġar li jappoġġjaw firxa wiesgħa ta’ ħlejjaq selvaġġi. Għasafar tal-ilma bħar-rusett, il-gallozz, u l-għasfur ta’ San Martin li huma fost l-aktar għasafar komuni f’din ir-riżerva, filwaqt li l-għadajjar jipprovdu kenn għal speċi rari u protetti bħal bużaqq u r-ruppja marittima. Ir-riżerva hi wkoll rikonoxxuta fuq livell internazzjonali bħala sit tar-Ramsar u bħala Żona Speċjali ta’ Konservazzjoni fin-netwerk Natura 2000 tal-Unjoni Ewropea.
Minn żona li kienet tintuża għar-rimi ta’ skart illegali, issa qed tiġi rriġenerata. Qed jiġu installati kameras tas-sigurtà biex jiskoraġġixxu d-dħul illegali u r-rimi illegali ta’ skart fil-futur, filwaqt li l-ħitan u l-gradi qed jiġu rrestawrati biex tissaħħaħ is-sigurtà u l-protezzjoni. Is-siġar fis-sit qed jinżammu u jiġu protetti biex isaħħu il-bijodiversità lokali. Qed jitfasslu mogħdijiet ġodda għall-mixi magħmula minn materjali permeabbli biex jinkoraġġixxu aċċess li ma jagħmilx ħsara lill-ambjent.
Qed tiżdied l-għamara ta’ barra bħal bankijiet tal-pikniks, bankijiet, u kontenituri tar-riċiklaġġ, flimkien ma’ sinjali informattivi li jispjegaw l-importanza ekoloġika tas-sit, l-istatus protett tiegħu, u gwida għall-viżitaturi. Se tiġi implimentata sistema ta’ irrigazzjoni awtomatizzata biex tiżgura tisqija effiċjenti u konsistenti tal-proġett il-ġdid, filwaqt li konvenjenza pubblika ġdida se tappoġġja ż-żieda fil-viżitaturi. F’konformità mal-istatus ta’ Natura 2000, mhux se jitqiegħed dawl artifiċjali sabiex jinżamm il-bilanċ u jiġu protetti l-ispeċi u l-ħabitats sensittivi.
Preżenti ukoll għal din iż-żjara kien hemm it-tim ta’ Project Green, is-Sindku flimkien mar-rappreżentanti mill-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar u rappreżentanti ta’ BirdLife Malta.
Dan il-proġett qed jiġi kofinanzjat mill-Unjoni Ewropea permezz tal-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (EAFRD) u jaqa’ taħt l-iskema Community Greening Grant Scheme maħruġa minn Project Green.
Other Press Releases:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN