STQARRIJA MILL MINISTERU GĦALL-KULTURA, L-ARTIJIET U L-GVERN LOKALI Produzzjoni ta’ Disney+ u National Geographic ‘Surviving Pompeii’ qed tinħadem f’Malta
Serje ġdida minn National Geographic, li se tixxandar fuq Disney+, qed tinħadem f’Malta.
Din is-serje se tgħaqqad fatti dokumentati dwar it-traġedja naturali ta’ Pompeii ma’ drama bin-narrazzjoni tal-attur rinomat Tom Hiddleston.
Il-Ministru għall-Kultura, l-Artijiet u l-Gvern Lokali Owen Bonnici flimkien mal-Kummissarju tal-Films Johann Grech żaru s-sett f’Fort Ricasoli fejn iltaqgħu mat-tim tal-produzzjoni u mal-atturi.
Min-naħa tiegħu, il-Ministru Bonnici tenna li, “Il-fatt li produzzjoni ta’ dan il-livell qed issir f’pajjiżna juri kemm Malta saret destinazzjoni serja u stabbilita fil-qasam tal-films. Kburin li frott il-ħidma kbira li qed issir qed nattiraw produzzjonijiet internazzjonali, filwaqt li noħolqu opportunitajiet ta’ xogħol ta’ kwalità għal ħafna Maltin.”
Il-Ministru Bonnici stqarr kif, “Bħala Gvern kommessi li nibqgħu nsaħħu aktar dawn l-investimenti kreattivi li jġibu magħhom impjiegi u rikonoxximenti internazzjonali għal pajjiżna.”
Fil-kummenti tiegħu dwar il-produzzjoni, il-Kummissarju tal-Films Johann Grech irrimarka wkoll kif, “Aħna kburin bit-talent tal-ħaddiema tagħna u l-ħiliet ta’ livell dinji li joffru għal produzzjonijiet li jinġibdu f’Malta. Produzzjonijiet bħal ‘Surviving Pompeii’ mhux biss juru l-postijiet tagħna iżda joħolqu wkoll impjiegi ta’ kwalità għolja għall-ekwipaġġ Malti.”
Madwar 65% tal-produzzjoni kollha qed issir f’Malta, fosthom f’Villa Bologna, Fort Ricasoli u l-Park tal-Majjistral u qed jieħdu sehem madwar 167 ħaddiem Malti f’setturi varji.
Din il-produzzjoni Ingliża tikkonsisti f’3 episodji ta’ madwar 60 minuta. Din il-produzzjoni bbenefikat mill-programm tal-Cash Rebate.
Other Press Releases:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN