Left arrow Go Back

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD U D-DRITTIJIET TAL-ANNIMALI Il-Gvern jissokta b’aktar ħidma kontra s-sajd illegali

PR251430
Date Icon 09/08/2025

Il-ħidma tal-Ministeru għall-Agrikoltura, is-Sajd u d-Drittijiet tal-Annimali kontra s-sajd illegali ma tibdiex ma’ kull staġun tal-lampuki iżda ilha għaddejja għal dawn l-aħħar snin. Fil-fatt dan hu rifless fin-numru ta’ kisbiet mill-awtoritajiet Maltin bħall-introduzzjoni ta’ rakkomandazzjonijiet u regolamenti fuq livell reġjonali Mediterranja u anke fuq livell Ewropew. Fuq talba tal-awtoritajiet Maltin fost oħrajn, sa minn ftit snin ilu żdiedu n-numru ta’ bastimenti tal-Aġenzija Ewropea għall-Kontroll tas-Sajd (EFCA) u li waħda minnhom speċifikament tintalab tispezzjona żoni magħrufa għal sajd illegali tal-lampuki f’dan il-perijodu. Fil-fatt dan il-bastiment diġà daħal f’Malta f’Ġunju li għadda u bħalissa jinsab jispezzjona viċin Sqallija. 

Din il-ħidma u r-reputazzjoni tal-Awtoritajiet Maltin kemm mal-Aġenzija Ewropea għall-Kontroll tas-Sajd (EFCA) u mad-Direttorat Ġenerali għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd (DG MARE) wasslet ukoll biex il-Kummissarju Ewropew Costas Kadis jżur Malta f’Ġunju li għadda, propju fl-ewwel xhur tal-mandat tiegħu bħala Kummissarju Ewropew responsabbli mis-Sajd. Dan sabiex jifhem aħjar l-argumenti li qed iressqu l-awtoritajiet Maltin u jiltaqa’ personalment mas-sajjieda Maltin biex jifhem id-diffikultajiet tagħhom. 

Is-sajda tal-lampuki hija regolata minn regolament Ewropew u jsegwi r-rakkomandazzjonijiet li jkopru s-sajd fil-Mediterran maħruġin mill-General Fisheries Commission for the Mediterranean (GFCM). Dawn ir-regolamenti jiddikjaraw b’mod ċar li l-istaġun jiftaħ fil-15 ta’ Awwissu. Filwaqt li l-Awtoritajiet Maltin diġà qed jaħdmu biex jikkonvinċu lill-istituzzjonijiet Ewropej sabiex jiġi kkunsidrat tibdil ta’ din id-data, anke’ minħabba raġunijiet klimatiċi li qed jaffettwaw iż-żmien li tpassi fih il-lampuka, żgur li mhix soluzzjoni għall-Gvern u l-Awtoritajiet Maltin li jinkoraġġixxi l-ksur ta’ regolamenti preżenti. Dan għax nemmnu li dan għandu jsir permezz tal-proċessi leġislattivi xierqa fl-istituzzjonijiet Ewropej. Aħna nemmnu li dan huwa wkoll il-mod li l-awtoritajiet Maltin jibqgħu konsistenti u kredibbli fl-argumenti tagħhom kontra s-sajd illegali u anke favur ir-rule of law.  

B’mod parallel, id-Dipartiment tas-Sajd u l-Akwakultura qed iwettaq ħidma koordinata mal-Forzi Armati ta’ Malta u mal-EFCA. Fil-fatt malli bdew jiċċirkolaw filmati fuq il-midja soċjali ta’ sajjieda fil-Mediterran jaqbdu l-lampuki fl-1 ta’ Awwissu, id-Dipartiment informa uffiċċjalment lill-EFCA.

Kien għalhekk li l-EFCA laqqgħet b’urġenza l-working group dwar il-kannizzati tal-lampuki nhar il-Ħamis 7 t’Awwissu. Matul din il-laqgħa, Malta pproponiet li l-Ocean Sentinel tinżel tagħmel spezzjonijiet fl-Istrett ta’ Sqallija, u sal-Ħamis filgħaxija kienet diġà qed tissorvelja ż-żona mitluba. Din hija prova ċara oħra li turi kemm l-awtoritajiet Maltin qed ikunu effettivi fl-istituzzjonijiet Ewropej.

Dan kollu qed isir ukoll b’konformità mar-regolament  approvat fil-Parlament Ewropew mmexxi mill-MEP Thomas Bajada kontra s-sajd illegali minn pajjiżi terzi, regolament li mhux biss għandu l-għan li jwaqqaf dawn il-prattiċi iżda wkoll li jimponi pieni serji u effettivi biex jiskoraġġixxu lil min jikser il-liġi.

Il-Ministru għall-Agrikoltura, is-Sajd u d-Drittijiet tal-Annimali Anton Refalo qal li, “Il-Gvern mhux biss impenjat li jiddefendi s-sajjieda Maltin u Għawdxin, iżda wkoll li jħares lejn is-sostenibbiltà u l-ġejjieni tas-sajd f’pajjiżna. Il-Ministeru ser ikompli jissalvagwardja id-drittijiet tas-sajjieda Maltin u Għawdxin kif ukoll il-familji tagħhom matul is-sena kollha speċjalment u mhux b'inqas matul l-istaġun tal-lampuki. Is-sajjieda jafu sew min verament qed jaħdem u jixtiqilhom l-aqwa u l-aħjar miżuri għal ġid tagħhom.”

Is-Segretarju Parlamentari għas-Sajd, l-Akwakultura u d-Drittijiet tal-Annimali Alicia Bugeja Said enfasizzat l-impenn kontinwu li għandu pajjiżna biex jissalvagwardja l-interessi tas-sajjieda Maltin filwaqt li tippromwovi s-sostenibbiltà. “Bil-koperazzjoni mal-Kummissjoni Ewropea, Malta se tkompli tappoġġja l-komunitajiet tas-sajd tagħna. Dan il-Gvern qed jiżgura li l-ibħra tagħna jiġu mħarsa b’mod responsabbli għall-ġenerazzjonijiet futuri. Aħna qed nitolbu wkoll appoġġ sħiħ mill-Kummissjoni Ewropea fuq livell tal-GFCM, sabiex jiġu infurzati l-liġijiet u dawk li ma jimxux magħhom, jiffaċċjaw konsegwenzi xierqa.”

Huwa fatt li s-sena l-oħra daħlu inqas lampuki fil-pixkerija, fatt marbut ukoll mal-bidla fil-klima u l-effetti tagħha fuq il-baħar tagħna. Is-sħana fil-Mediterran wasslet biex it-temperatura tal-baħar telgħet aktar kmieni mis-soltu, u dan kellu impatt dirett fuq l-istaġun tal-lampuki. Għaldaqstant, id-Dipartiment diġà qed iwettaq studju xjentifiku dwar l-impatt tal-bidla fil-klima fuq is-sajd tal-lampuki, sabiex l-argumenti li jiġu ppreżentati quddiem l-istituzzjonijiet Ewropej ikunu bbażati fuq fatti u xjenza, mhux fuq suppożizzjonijiet.

Il-Ministeru jħeġġeġ ukoll il-kooperazzjoni tas-sajjieda u l-għaqdiet relatati biex f’kas li jiltaqgħu ma’ sajd illegali u jew jiġu affaċċjati b’abbużi minn sajjieda barranin fuq iċ-ċimi tagħhom jipprovdu lid-Dipartiment tas-Sajd u l-Akwakultura filmati, pożizzjonijiet (coordinates), numri ta’ dgħajjes u informazzjoni oħra relatata fuq l-email infofisheries.mafa@gov.mt jew fuq il-paġna tal-midja soċjali tad-Dipartiment. Dan sabiex din l-evidenza tkompli ssaħħaħ l-argumenti ta’ Malta favur investigazzjonijiet u l-infurzar kontra sajjieda oħra fil-Mediterran fuq livell Ewropew u anke bit-tħejjija għal-laqgħa annwali tal-GFCM li se ssir fil-bidu ta’ Novembru.

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU  “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexxejja tal-UE għax Malta ilha mill-bidu nett timbotta favur soluzzjoni għall-paċi” – Il-Prim Ministru Robert Abela

PR261926

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR EUROPEAN FUNDS, SOCIAL DIALOGUE AND CONSUMER PROTECTION  European funding through the Erasmus+ programme to strengthen educators’ professional development

PR261925EN

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR EUROPEAN FUNDS, SOCIAL DIALOGUE AND CONSU...

More Press Releases Right arrow