STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INTERN, IS-SIGURTÀ U X-XOGĦOL U MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI, L-ISPORT, IŻ-ŻGĦAŻAGĦ, IR-RIĊERKA U L-INNOVAZZJONI Aktar minn 850 student qed jibbenefikaw mill-klassijiet ta’ reviżjoni tas-SEC
Kien hemm aktar minn 850 applikazzjoni għall-klassijiet ta’ reviżjoni tas-SEC ta’ din is-sena offruti minn Jobsplus għall-istudenti li m’għaddewx mill-eżamijiet tal-O Level, jew li jixtiequ li jġibu livell aħjar. Il-klassijiet ta’ reviżjoni huma pprovduti b’xejn u jiffukaw fuq is-suġġetti tal-Malti, l-Ingliż, il-Matematika, il-Fiżika, u l-Bijoloġija.
Studenti ta’ bejn il-15 u d-29 sena li m’għaddewx minn dawn is-suġġetti jistgħu japplikaw biex jattendu l-klassijiet ta’ reviżjoni b’xejn.
Dawn il-klassijiet isiru tliet darbiet fil-ġimgħa fuq perjodu ta’ ħames ġimgħat biex jippreparaw lill-istudenti għar-resits tas-SEC ta’ Settembru. Kull student jista’ jagħżel sa massimu ta’ tliet suġġetti, bil-lezzjonijiet jingħataw minn edukaturi professjonali.
54% tal-applikanti kienu nisa, bl-aktar suġġett li kien hemm applikazzjonijiet għalih huwa l-Matematika b’405 applikant. Wara l-Matematika, kien hemm 306 applikant għall-Fiżika, 253 applikant għall-Ingliż, 182 applikant għall-Malti u 145 applikant għall-Bijoloġija.
Il-klassijiet isiru matul il-ġurnata f’diversi ċentri edukattivi fil-Mosta, Blata l-Bajda, Raħal Ġdid, kif ukoll fir-Rabat, Għawdex. Dalgħodu żaru lill-istudenti li qed jattendu għal dawn il-klassijiet fil-bini tal-Kulleġġ Malti għall-Arti, x-Xjenza u t-Teknoloġija f’Raħal Ġdid il-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà u x-Xogħol Byron Camilleri u l-Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Clifton Grima, li tkellmu ma’ wħud mill-istudenti u l-edukaturi.
Kemm il-Ministru Camilleri kif ukoll il-Ministru Grima inkoraġġew lill-istudenti li qed jagħmlu l-almu kollu tagħhom biex ikomplu għaddejjin bil-perkors edukattiv tagħhom, filwaqt li rringrazzjaw lill-edukaturi għax-xogħol dedikat tagħhom.
Il-Ministru Byron Camilleri spjega li, “Kull min ma jgħaddix minn xi eżami ma tkunx waqgħet id-dinja. Kien għalhekk li ġiet offruta l-għajnuna lil aktar minn 6,000 student li applikaw għall-klassijiet ta’ reviżjoni minn meta tnediet l-iskema minn Jobsplus. Din l-inizjattiva mhux biss qed tappoġġja lill-istudenti fil-mixja akkademika tagħhom imma wkoll twessa’ l-prospetti futuri tagħhom.”
Spjega li bl-appoġġ ta’ dawn il-lezzjonijiet, aktar studenti qed ikomplu bl-istudji tagħhom u jżidu l-prospetti ta’ impjieg. Żied jgħid li dawn il-lezzjonijiet jimxu id f’id mal-għanijiet tal-Youth Guarantee, bil-għan li jgħinu liż-żgħażagħ jiksbu l-għodda meħtieġa fid-dinja tax-xogħol.
Il-Ministru Grima wkoll feraħ lill-istudenti u awguralhom fl-istudji tagħhom. “Bħala pajjiż nagħrfu li la jkun hemm kollaborazzjoni bejn diversi entitajiet u diversi dipartimenti, inkunu qegħdin nassiguraw li jkun hemm l-opportunitajiet neċessarji biex l-istudenti tagħna jilħqu dawk li huma l-miri tagħhom, jirrealizzaw dak li huwa l-ħolm tagħhom,” qal il-Ministru Grima.
“Permezz ta’ din il-ħidma qegħdin nagħtu opportunità oħra lil dawn iż-żgħażagħ li jieħdu t-taħriġ li huwa neċessarju u għalhekk jippreparaw għall-appuntament akkademiku li għandhom quddiemhom,” spjega l-Ministru Clifton Grima.
Other Press Releases:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN