STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-KULTURA, L-ARTIJIET U L-GVERN LOKALI Ippubblikat ordni għall-iffaċilitar tal-implimentazzjoni tal-Att Ewropew dwar il-Libertà tal-Midja
Ġie ppubblikat ordni taħt l-Att dwar l-Unjoni Ewropea biex jiffaċilita u jsaħħaħ l-implimentazzjoni f’Malta ta’ regolament tal-Unjoni Ewropea intitolat Att Ewropew dwar il-Libertà tal-Midja, magħruf bħala l-EMFA.
L-Att Ewropew dwar il-Libertà tal-Midja huwa regolament fundamentali mfassal biex isaħħaħ il-libertà tal-midja wkoll billi jistabbilixxi regoli uniformi dwar il-ħidma indipendenti tal-midja fl-Unjoni Ewropea. Fost affarijiet oħra l-att jinkludi regoli dwar il-protezzjoni tal-kunfidenzjalità tal-informazzjoni li tasal għand il-provdituri tas-servizzi tal-midja, l-allokazzjoni tar-reklamar tal-Istat, l-indipendenza editorjali tal-midja inkluż tas-servizz ta’ xandir pubbliku u t-trasparenza dwar min huma s-sidien tal-midja.
Il-Gvern Malti appoġġja dan ir-regolament sa minn mindu kien qed jiġi diskuss.
B’dan il-pass biex jassigura l-implimentazzjoni xierqa tal-Att dwar il-Libertà tal-Midja, il-Gvern qiegħed ukoll jafferma li huwa kommess li jipproteġi l-irwol tal-midja fis-soċjetà u li jkompli jsaħħaħ il-libertà tal-midja f’ambjent demokratiku kemm fuq livell nazzjonali kif ukoll fuq livell Ewropew u internazzjonali.
L-implimentazzjoni tar-regolament EMFA se tinvolvi istituzzjonijiet bħalma hija l-Awtorità tax-Xandir li diġà twettaq irwol importanti bħala regolatur tax-xandir u r-Reġistratur tal-Midja inkwantu jrid jinbena reġistru aċċessibbli dwar min hu sid tal-midja. Madankollu r-regolament jinvolvi wkoll mansjonijiet ġodda li ma jaqgħux fil-funzjonijiet ta’ entitajiet eżistenti.
Għalhekk se jitwaqqaf uffiċċju indipendenti msejjaħ l-Uffiċċju dwar ir-Reklamar u l-Midja biex b’mod partikolari jieħu ħsieb il-monitoraġġ tar-reklamar tal-Istat meħtieġ mill-Att dwar il-Libertà tal-Midja.
B’dan il-pass il-Gvern qed jerġa’ juri illi huwa minn tal-ewwel biex jirrispondi għall-ħtiġijiet legali u amministrattivi relatati ma’ dan is-settur.
Other Press Releases:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN