STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAL GĦAWDEX U L-IPPJANAR Titħabbar is-seba’ edizzjoni tax-Xlendi Sunset Festival
Il-Ministru għal Għawdex u l-Ippjanar Clint Camilleri ħabbar uffiċjalment is-seba’ edizzjoni tax-Xlendi Sunset Festival, li ser tittella’ nhar is-Sibt 9 t’Awwissu 2025, mit-8:30pm ’il quddiem, fix-Xlendi.
Il-Ministru Camilleri stqarr li, “Dan il-festival stabbilixxa ruħu bħala wieħed mill-aktar avvenimenti popolari u mistennija fil-kalendarju tas-sajf f’Għawdex. Huwa jlaqqa’ flimkien familji, żgħażagħ u turisti għal lejl uniku mimli kultura, mużika live u divertiment f’ambjent pittoresk. Bħala Ministeru, għal sena oħra qegħdin nappoġġjaw dan il-festival permezz ta’ għajnuna finanzjarja bħala parti mill-impenn tagħna li nkomplu nsaħħu u nfittxu aktar opportunitajiet għall-familji u ż-żgħażagħ f’Għawdex.”
Il-festival ta’ din is-sena ser jinkludi spettakli minn artisti lokali popolari, fosthom Rebecca and the Passengers, Gianluca Bezzina, DJ Ryan Spiteri u DJ MyKill.
L-avveniment qed jiġi organizzat b’mod konġunt mill-Munxar Falcons FC u s-Sezzjoni Żgħażagħ Pawlini Munxarin (SZPM), żewġ għaqdiet li jagħtu kontribut attiv fil-komunità tal-Munxar u li, sena wara oħra, ikomplu jsaħħu l-ħajja soċjali u kulturali tal-lokal.
Preżenti kien hemm ukoll is-Sindku tal-Munxar Damien Spiteri li ħeġġeġ lill-pubbliku sabiex jattendi għal din l-attività filwaqt li faħħar l-involviment tal-għaqdiet volontarji tal-lokalità u l-appoġġ finanzjarju tal-Ministeru għal Għawdex u l-Ippjanar u l-Kunsill Lokali.
Id-dħul huwa b’xejn u ser ikun hemm servizz ta’ park and ride bla ħlas, sabiex il-festival ikun aċċessibbli u komdu kemm jista’ jkun għall-pubbliku kollu.
Il-Ministru Clint Camilleri temm billi ħeġġeġ lil kulħadd sabiex jattendi għal dan il-festival li huwa mmirat għall-familja kollha u se jittella’ f’ambjent li żgur se jagħmel l-esperjenza ta’ kull min jattendi waħda memorabbli. Huwa rringrazzja lill-organizzaturi, lill-artisti u lill-voluntiera kollha li qed jagħtu sehemhom sabiex dan il-festival ikompli jikber u għal sena oħra jerġa’ jkun suċċess.
Other Press Releases:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN