STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-KULTURA, L-ARTIJIET U L-GVERN LOKALI Jirritorna l-kunċert 'Opera in the Capital'
Nhar is-Sibt 6 ta' Settembru li ġej se jirritorna 'Opera in the Capital' - kunċert spettakolari fl-apert fi Pjazza San Ġorġ, li se jipprovdi serata ta' mużika li tgħaqqad flimkien l-opra, soundtracks ta' films, teatru mużikali, u aktar.
Se jieħdu sehem it-tenuri magħrufa Alan Sciberras u Cliff Zammit Stevens, flimkien mal-artista versatili Nadine Axisa. Il-prestazzjonijiet tagħhom se jingħataw il-ħajja mill-Orkestra Filarmonika ta' Malta, taħt id-direzzjoni ta' Ryan Paul Abela.
Il-Ministru għall-Kultura, l-Artijiet u l-Gvern Lokali Owen Bonnici qal, “Opera in the Capital hija ċelebrazzjoni tal-arti tal-mużika u tal-wirt kulturali uniku tal-Belt Valletta. Dan l-avveniment se joffri esperjenza mużikali mill-isbaħ permezz ta' siltiet operistiċi magħżula, li se jinstemgħu fl-isfond sabiħ u storiku tal-arkitettura tal-Belt. Lejla bħal din tkompli tagħti ħajja lill-Belt bħala ċentru kulturali."
Iċ-Chairperson tal-Aġenzija Kulturali tal-Belt Valletta Jason Micallef qal, “Opera in the Capital 2025 jimmarka l-ħames edizzjoni ta' din is-sensiela ta' kunċerti tant mistennija, wara s-suċċess notevoli tas-snin imgħoddija. Huwa wieħed mill-ħafna avvenimenti ta' kwalità għolja li l-Aġenzija ttella' fil-qalba tal-Belt Valletta, ċelebrazzjoni tas-sbuħija tal-belt u tweġiba għad-domanda dejjem tikber għal esperjenzi kulturali fil-beraħ. B'postijiet limitati disponibbli, inħeġġeġ lill-pubbliku biex jiżgura postu kmieni."
Il-kunċert se jiċċelebra mużika minn ġeneri differenti minn kapolavuri operistiċi għal klassiċi ikoniċi tal-films u siltiet tat-teatru mużikali. Għal aktar informazzjoni żur vca.gov.mt jew segwi l-paġna tal-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta fuq Facebook. Il-biljetti huma limitati u wieħed jista' jibbukkja fuq showshappening.com.
Other Press Releases:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN