STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI, L-ISPORT, IŻ-ŻGĦAŻAGĦ, IR-RIĊERKA U L-INNOVAZZJONI U MILL-MINISTERU GĦALL-INKLUŻJONI U L-VOLONTARJAT
Jitnieda Life Map – programm ta’ perkors edukattiv post-sekondarju għal studenti b’diżabilità
B’kollaborazzjoni bejn il-Gvern u l-privat, illum tnieda l-programm Life Map, li huwa indirizzat għal żgħażagħ b’diżabilità biex ikomplu l-perkors edukattiv tagħhom wara s-sekondarja. Dan il-programm, li mistenni jibda minn Settembru li ġej f’kampus tal-għola livell f’Pembroke huwa rifless ukoll fl-Istrateġija Nazzjonali għall-Edukazzjoni, li jagħmel parti mill-viżjoni importanti tal-Ministeru li s-settur edukattiv tassew iwassal biex jiżgura li l-ħtiġijiet tal-istudenti kollha qed jiġu akkomodati kif xieraq. Is-setup attwali fl-Iskola Dun Manwel Attard, il-Wardija se jibqa’ joffri kemm is-servizzi kollha kif ukoll l-edukaturi għall-istudenti li għaddejjin mill-istess programm.
Il-programm Life Map huwa intiż għal studenti ta’ sittax-il sena u huwa inizjattiva edukattiva u terapewtika li tfittex li tgħin lill-individwi newrodiverġenti biex jintegraw fis-soċjetà b’dinjità u skop.
Dan il-programm tnieda mill-Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Clifton Grima u l-Ministru għall-Inklużjoni u l-Volontarjat Julia Farrugia.
Il-Ministru Clifton Grima stqarr li, “Qed naħdmu b’sistema ta’ Integrated Pathway. Dan huwa programm b’valur miżjud, bi tliet kolonni importanti – il-Ħiliet għall-Ħajja u Impjegabbiltà; it-Terapija u l-Ħiliet ta’ Intrapriża Soċjali. Filwaqt li l-45 student li applikaw kienu aċċettati tajjeb li ngħid li dawn se jgawdu wkoll minn stipendju, mill-għotja ta’ €500 fis-sena għal tliet snin – skema għall-istudenti li jkomplu l-istudju post-sekondarju, se jieħdu l-voucher għall-internet b’xejn, fost oħrajn u fuq kollox, l-istudenti se jkollhom ukoll prattika ta’ xogħol.”
Il-Ministru Julia Farrugia qalet li dan il-proġett huwa meqjus bħala wieħed ta’ livell għoli, u ser joħloq opportunitajiet ġodda ta’ tkabbir personali u professjonali għall-istudenti. “Qed nindirizzaw l-isfida b’soluzzjoni fit-tul. Fl-istess ħin qegħdin nassiguraw li l-istudenti kollha li diġà għaddejjin bil-programm ikunu jistgħu jkomplu l-kors tagħhom bla tfixkil,” kompliet il-ministru.
“Irridu nħejju ż-żgħażagħ tagħna għad-dinja tax-xogħol b’għodda konkreta u esperjenza reali għax nafu li x-xogħol hu l-aqwa għodda. L-intrapriża soċjali biex kull student jingħata ċans jikkontribwixxi b’mod pożittiv fil-komunità filwaqt li jitgħallem ħiliet prattiċi u tal-ħajja. Programm ibbażat fuq terapija b’appoġġ sħiħ minn tim multidixxiplinari li jinkludi terapisti, psikologi, infermieri u tutors b’enfasi fuq il-benesseri personali u l-indipendenza,” qalet ukoll il-Ministru Julia Farrugia.
Dan il-programm jikkomplementa b’mod dirett l-għanijiet tal-Istrateġija Nazzjonali tal-Edukazzjoni 2024-2030 billi jindirizza t-tliet pilastri ewlenin tal-istrateġija: il-Benesseri, it-Tkabbir u Emanċipazzjoni, u l-Ekwità u Inklużjoni.
Permezz ta’ edukazzjoni terapewtika, funzjonali u personalizzata, Life Map mhux biss isaħħaħ il-benesseri u l-emanċipazzjoni tal-istudenti, imma wkoll jikkontribwixxi għal sistema edukattiva aktar inklużiva, ekwitabbli u umana. Fl-ewwel tliet snin, dan il-programm se jitmexxa permezz ta’ ħidma konġunta bejn il-Ministeru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni u l-Ministeru għall-Inklużjoni u l-Volontarjat. Wara dan il-perjodu, l-Aġenzija Sapport se tieħu f’idejha l-amministrazzjoni sħiħa tal-programm.
Għal aktar informazzjoni dwar Life Map, wieħed jista’ jagħmel kuntatt fuq 21456022 jew jibgħat email lil info@handinhandmalta.com.
Other Press Releases:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN