STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI, L-ISPORT, IŻ-ŻGĦAŻAGĦ, IR-RIĊERKA U L-INNOVAZZJONI Ftehim għal trasferiment ta’ art lill-Klabb tal-Football tal-Furjana li minnu se jgawdu t-tfal u ż-żgħażagħ involuti fl-isport
Permezz ta' ftehim li ġie ffirmat fil-preżenza tal-Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Clifton Grima, SportMalta qed tgħaddi b'titolu ta' enfitewsi temporanja għal perjodu ta' 45 sena b'effett mil-lum, lill-Floriana Football Club b'ċens għal 45 sena. Permezz tas-sussidju ta' 95% offrut mill-Gvern fuq l-akkwist ta' artijiet biex jiġu konvertiti f'faċilitajiet sportivi, l-ammont totali ta' kera li l-klabb se jħallas fis-sena huwa ta' €11,184.83, minflok il-valur attwali ta' €223,696.68.
B'hekk issa l-klabb qiegħed f'pożizzjoni biex jamministra din l-art u permezz tal-ftehim il-klabb issa għandu inċentiv ewlieni biex jinvesti f'faċilitajiet sportivi fis-sit u servizzi anċillari, fosthom, uffiċini amministrattivi għall-attività sportiva, gymnasiums u sport clinics.
Dawn se jibbenefikaw minnhom it-tfal u ż-żgħażagħ għaliex il-faċilitajiet se jkunu jistgħu jagħmlu użu minnhom kemm il-Youth Nursery tal-klabb u fil-ħinijiet tal-iskola, bi ftehim, il-proprjetà tinfetaħ għall-użu tat-tfal tal-iskola.
Il-ministru qal li dan huwa ftehim ieħor li juri l-impenn tal-Gvern biex jgħin lill-assoċjazzjonijiet u għaqdiet sportivi f'kull livell, u li, “Il-pjan u l-viżjoni tagħna huma ċari, dak li nsaħħu s-settur sportiv biex inkomplu ngħollu l-livell tal-isport f'pajjiżna, anki fil-livell ta' klabbs." Huwa tkellem dwar id-diversi skemi ta' għajnuna li qed jingħataw l-assoċjazzjonijiet u l-klabbs biex dawn isaħħu l-ħidma tagħhom fid-diversi dixxiplini sportivi rispettivi.
“Il-ftehim tal-lum juri l-impenn tal-Gvern li jkompli jwettaq il-wegħdiet sportivi elettorali tiegħu, inizjattivi li l-għan tagħhom huwa li l-klabbs u l-federazzjonijiet sportivi jkollhom l-għodda u l-faċilitajiet biex ikompli jikbru," kompla jgħid il-ministru.
Il-ħlas tal-kera jitpoġġa fi 'Sports Fund' u mbagħad il-flus jiġu utilizzati għal aktar investiment mill-ġdid fl-isport lokali.
Matthew Pisani, f'isem SportMalta, qal li dan il-ftehim huwa konferma oħra tal-ħidma ta' din l-entità biex is-settur sportiv jibqa' miexi 'l quddiem anki fuq livell ta' komunità. “Qed inkabbru l-ħidma tagħna biex iktar klabbs u assoċjazzjonijiet ikollhom faċilitajiet sportivi professjonali fejn jipprattikaw id-dixxiplina sportiva tagħhom, faċilitajiet li jkunu miftuħa wkoll għall-istudenti biex huma wkoll ikollhom spazju fil-Belt jew Raħal tagħhom għal attività sportiva u fiżika", qal is-Sur Pisani.
Il-President ta' Floriana Football Club Johann Said qal li b'dan il-ftehim il-klabb issa jista' jagħmel qabża ta' kwalità kemm f'dawk li huma faċilitajiet kif ukoll biex il-klabb ikollu faċilitajiet moderni li se jkunu wkoll ta' benefiċċju tal-komunità kollha kemm hi.
Other Press Releases:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN