STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AKKOMODAZZJONI SOĊJALI U AFFORDABBLI Binja dilapidata fil-Belt Valletta mibdula f’residenza għal familji
Il-Ministru għall-Akkomodazzjoni Soċjali u Affordabbli Roderick Galdes inawgura binja ġdida ta’ akkomodazzjoni soċjali fil-Belt Valletta. Minn binja li kien jeħtiġilha xogħol strutturali u rinnovar, illum din il-binja reġgħet qiegħda tingħata l-ħajja sabiex tkun qiegħda tilqa’ fiha akkomodazzjoni xierqa b’dinjità.
F’kelmtejn waqt l-inawgurazzjoni, il-Ministru Roderick Galdes spjega li dan setgħa jkun possibbli permezz ta’ investiment ta’ madwar €340,000. Il-Ministru kompla jispjega kif illum din il-binja qiegħda tingħata lura lill-komunità permezz ta’ akkomodazzjoni soċjali.
Din il-binja hija parti minn numru t’inizjattivi ta’ akkomodazzjoni soċjali sabiex bini li jeħtieġlu rinnovar isirlu ix-xogħol neċessarju u jingħata lill-familji li jeħtieġu l-għajnuna tal-istat. Uħud minn dawn l-inizjattivi qegħdin isiru fil-Belt Valletta u b’hekk ukoll tiġi mgħejuna r-riġenerazzjoni tal-Belt kapitali.
Il-ministru sejjaħ il-binja bħala ħolqa, anke jekk żgħira, minn katina ferm akbar ta’ proġetti ta’ akkomodazzjoni soċjali u affordabbli li l-gvern nieda fl-aħħar snin.
Il-Ministru fakkar li s-sena l-oħra l-Awtorità tad-Djar allokat aktar minn 550 unit ġdid f’diversi lokalitajiet u bħalissa għaddej xogħol fuq binjiet oħra f’lokalitajiet varji, fosthom f’Ħal Farruġ fejn b’investiment ta’ madwar €40 miljun se jinbnew madwar 270 appartament u 300 spazju għal parkeġġ.
Min-naħa tiegħu, Il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità tad-Djar, Matthew Zerafa stqarr li proġetti bħal dawn ikomplu jsaħħu l-istock ta’ akkomodazzjoni soċjali li toffri l-Awtorità tad-Djar fil-qalba tal-komunitajiet.
L-Awtorità tad-Djar, b’kollaborazzjoni ma’ Housing Projects Solutions Ltd ħadmu fuq dan il-proġett sabiex twettaq dan il-proġett ta’ rinnovazzjoni.
Other Press Releases:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN