STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EKONOMIJA, L-INTRAPRIŻA U PROĠETTI STRATEĠIĊI Titnieda Playcon 2025: żewġ kumpaniji tal-video game development se jibdew joperaw minn Malta
Il-Ministru għall-Ekonomija, l-Intrapriża u l-Proġetti Strateġiċi Silvio Schembri, f’kollaborazzjoni ma’ GamingMalta u GMR, nieda uffiċjalment il-Playcon 2025, l-ikbar esibizzjoni dwar video games u esports f’Malta.
Issa fil-ħames edizzjoni, Playcon evolviet f’pjattaforma ewlenija li ġġib taħt saqaf wieħed l-istakeholders kollha mill-aspett kreattiv, l-aspett intraprenditorjali u studenti interessati fis-suġġett. Permezz ta’ inizjattivi bħal Playcon, qed inkomplu nsaħħu l-importanza ta’ dawn iż-żewġ niċeċ ekonomiċi ġodda - l-industrija tal-video game development u l-esports fl-ekonomija diġitali ta’ pajjiżna.
Matul is-snin, Playcon kibret tant li matul is-sena li għaddiet kien hemm aktar minn 25,000 parteċipant, aktar minn 60 esebitur, u aktar minn 24 miljun impressions online. Din is-sena, Playcon se tiffoka aktar fuq l-edukazzjoni, l-iżvilupp tat-talent, u t-tkabbir ekonomiku, u b'hekk tkompli ssaħħaħ il-pożizzjoni ta' Malta internazzjonalment f’dawn is-setturi.
Fil-fatt, żewġ kumpaniji ta’ video games development li pparteċipaw fil-Playcon tas-sena l-oħra se jiftħu studio f'Malta. Feenix, kumpanija ta’ video game development li jispeċjalizzaw fil-User Generated Content, se jniedu uffiċjalment il-preżenza tagħhom f’pajjiżna waqt Playcon ta’ din is-sena. Dan l-istudjo diġà qed jaħdem ma' proprjetajiet intellettwali internazzjonali kbar, inklużi Roblox u Paddington Bear. F'Malta, Feenix mistennija timpjega 30-il professjonist fis-settur. Min-naħa l-oħra, Hand Rock Studio, li hija parti mill-grupp Out of the Bit ibbażat fir-Renju Unit, qed tistabbilixxi l-ewwel studio tagħha f'Malta li jiffoka fuq taħlita ta’ innovazzjoni teknoloġika u artiġġjanat.
Il-Ministru Silvio Schembri qal: “Playcon hija pjattaforma importanti għall-ekonomija diġitali u hija turija ta’ kemm n-niċeċ ekonomiċi ġodda tal-video game development u l-esports qed ikomplu jikbru f’pajjiżna. Bħala avveniment ewlieni f’pajjiżna f’dawn l-oqsma, Playcon jagħti wirja ta din l-industrija vibranti u hija wkoll pjattaforma għall-kollaborazzjonijiet fis-settur. Permezz ta’ inizjattivi bħal ftehim ma’ Unreal Engine Education Pathways, it-tiġdid ta’ ftehim ma’ Unity u s-sħubija bejn pajjiżna u BLAST, kumpanija internazzjonali ewlenija fil-qasam tal-esports, mhux biss qed inrawmu t-talent lokali u noħolqu opportunitajiet ta’ karrieri għaż-żgħażagħ tagħna iżda wkoll qed npoġġu lil Malta bħala destinazzjoni ewlenija f’dawn is-setturi. Dan huwa investiment ċar fil-futur ta’ Malta, wieħed li jibni fuq l-innovazzjoni, l-ambizzjoni u t-talent lokali biex noħolqu tkabbir sostenibbli u nsaħħu l-pożizzjoni tagħna fix-xena globali.”
Ivan Filletti, Kap Eżekuttiv ta’ GamingMalta qal, “Playcon tinsab fuq quddiem nett fil-viżjoni ta’ Malta biex tkabbar is-settur tal-video game development u l-esports. L-avveniment joħloq spazju uniku fejn żviluppaturi lokali, partijiet ikkonċernati, u innovaturi fl-industrija jingħaqdu flimkien biex juru t-talent tagħhom u jmexxu s-settur ’il quddiem. Hija expo li permezz tagħha wkoll qed inkomplu nibnu komunità fil-qasam tal-video games development li tqanqal il-kreattività, l-innovazzjoni, u t-tkabbir fit-tul f’dawn l-industriji f’pajjiżna.”
Playcon 2025 se ssir bejn it-8 u t-12 ta’ Ottubru 2025 fl-MFCC, u tinkludi esebizzjonijiet minn esponenti ewlenin f’dawn l-oqsma, summits B2B, kompetizzjonijiet tal-esports, u sessjonijiet edukattivi ffukati fuq l-istudenti. Għal aktar informazzjoni, żur www.playcon.mt.
Other Press Releases:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN