STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD U D-DRITTIJIET GĦALL-ANNIMALI Jirritorna l-Malta International Food Festival
Il-Malta International Food Festival 2025 se jirritorna akbar minn qatt qabel, f’ċelebrazzjoni ta’ ikel Malti, ikel internazzjonali u divertiment għall-familja kollha.
Dan il-Festival qed jiġi organizzat mill-Ministeru għall-Agrikoltura, is-Sajd u d-Drittijiet tal-Annimali flimkien mal-Malta Food Agency kif ukoll is-settur privat, u se jittella’ bejn l-Erbgħa 6 ta’ Awwissu u l-Ħadd 10 ta’ Awwissu, fuq il-Fosos tal-Furjana mis-6pm ’il quddiem.
Id-dettalji dwar l-avveniment tħabbru mill-Ministru għall-Agrikoltura, is-Sajd u d-Drittijiet tal-Annimali Anton Refalo flimkien mad-Direttur tal-festival Jonathan Pace, kif ukoll Robert Farrugia minn Missio Malta, għaqda li se tkun qed tibbenefika minn donazzjonijiet li jinġabru waqt l-attività.
Dan il-Festival beda l-vjaġġ tiegħu fl-2015 fl-Imdina b’madwar 5,000 viżitatur. Is-suċċess tul is-snin wassal biex illum dan l-avveniment iżuruh madwar 40,000 Malti u turist kull sena. Fl-aħħar snin l-avveniment mexa għall-Fosos tal-Furjana sabiex ikompli joffri esperjenza unika u akbar għal dawk li jżuruh.
Din is-sena dawk li ser iżuru dan l-avveniment ser ikollhom l-opportunità li jesperjenzaw aktar minn 1000 platt differenti msajjar minn madwar 40 kċina li ser tkun qed tipprepara ikel minn madwar il-5 kontinenti. Sintendi ma jonqosx ukoll l-ikel Malti li f’dan l-avveniment mhux biss jingħata prominenza iżda se jkun hemm promozzjoni b’saħħitha għall-prodott lokali. Fost dawk li se jieħdu sehem, se jkun hemm il-Biċċerija Pubblika li se toffri firxa ta’ prodotti tradizzjonali bbażati fuq il-laħam fosthom il-mazzit u l-kirxa.
Il-Ministru Anton Refalo spjega kif dan mhux biss festival tal-ikel – iżda festa ta’ togħmiet, kultura u identità. Huwa tenna kif f’dawn il-ħamest ijiem dawk li ser iżuru l-avveniment ser ikollhom iċ-ċans li jduqu ikel minn madwar id-dinja iżda fuq kollox jesperjenzaw ukoll l-itjeb togħmiet tal-kċina Maltija. “Avveniment li jservi wkoll ta’ pjattaforma sabiex nippromwovu mal-Maltin, il-barranin u t-turisti l-prodott frisk u lokali filwaqt li joħloq opportunità ekonomiku għall-bidwi, ir-raħħal u l-produttur Malti u Għawdxi,” sostna l-Ministru Refalo.
Lil hinn mit-tjubija tal-ikel dan l-avveniment huwa wkoll vetrina ta’ kulturi u esperjenzi differenti b’divertiment kuljum minn tribute bands internazzjonali kif ukoll numru kbir ta’ artisti lokali. Ser ikun hemm ukoll żona estensiva għat-tfal b’attivitajiet siguri u edukattivi kif ukoll kompetizzjonijiet tematiċi.
Il-Ministru Refalo rringrazzja lill-organizzaturi, partijiet involuti, u lil kull min qed jagħti sehmu sabiex dan il-festival jittella’, filwaqt li stieden lill-pubbliku sabiex jattendi għal dan l-avveniment ta’ ikel, kultura u divertiment.
Other Press Releases:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN