STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U L-MINISTERU GĦALL-AFFARIJIET BARRANIN U T-TURIŻMU Malta tingħaqad ma’ 14-il pajjiż ieħor biex itennu l-intenzjoni tagħhom li jirrikonoxxu l-Istat tal-Palestina
Delegazzjoni Maltija tieħu sehem f’konferenza tan-Nazzjonijiet Magħquda dwar is-Soluzzjoni taż-Żewġ Stati
Hekk kif qed toqrob il-laqgħa tal-Kapijiet tal-Istat u tal-Gvern matul it-80 sessjoni tal-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Magħquda f’Settembru, Malta ngħaqdet ma’ 14-il pajjiż ieħor fi stqarrija li tikkonferma l-intenzjoni tagħhom li jirrikonoxxu l-Istat tal-Palestina.
F’din l-istqarrija konġunta, Andorra, l-Awstralja, il-Kanada, il-Finlandja, Franza, l-Iżlanda, l-Irlanda, il-Lussemburgu, Malta, New Zealand, in-Norveġja, il-Portugall, San Marino, is-Slovenja u Spanja kkundannaw l-attakki terroristiċi tas-7 ta’ Ottubru 2023, waqt li talbu għall-ħelsien immedjat tal-ostaġġi kollha tal-Hamas, għall-waqfien mill-ġlied immedjat f’Gaża, kif ukoll aċċess umanitarju bla ebda xkiel.
Malta ssieħbet f’din l-istqarrija waqt il-Konferenza Internazzjonali ta’ Livell Għoli dwar is-Soluzzjoni Paċifika tal-Kwistjoni tal-Palestina u l-Implimentazzjoni tas-Soluzzjoni taż-Żewġ Stati, li tlaqqgħet din il-ġimgħa fil-Kwartieri Ġenerali tan-Nazzjonijiet Magħquda fi New York.
Il-15-il pajjiż esprimew ir-rieda jew il-ħsieb tagħhom fir-rigward tar-rikonoxximent tal-Istat tal-Palestina. Huma ħeġġew ukoll lil pajjiżi oħra biex jistabbilixxu relazzjonijiet normali ma’ Iżrael, u biex jaffermaw l-intenzjoni tagħhom li jissieħbu f’arkitettura reġjonali tas-sigurtà flimkien mal-Istat ta’ Iżrael u l-Istat tal-Palestina.
Huma stqarrew ukoll li għandhom “tħassib serju dwar in-numru kbir ta’ vittmi ċivili u s-sitwazzjoni umanitarja f’Gaża, hekk kif qed jenfasizzaw ir-rwol essenzjali tan-Nazzjonijiet Magħquda u l-aġenziji tagħha fl-għoti tal-għajnuna umanitarja.”
Malta u l-pajjiżi l-oħra ddikjaraw ukoll l-impenn b’saħħtu tagħhom lejn is-soluzzjoni taż-Żewġ Stati, fejn żewġ stati demokratiċi, Iżrael u l-Palestina, jgħixu biswit xulxin fil-paċi, bi fruntieri sikuri u rikonoxxuti, skont il-liġi internazzjonali u r-riżoluzzjonijiet tan-Nazzjonijiet Magħquda relatati. F’dan il-kuntest, huma enfasizzaw il-ħtieġa li l-Istrixxa ta’ Gaża tingħaqad max-Xatt tal-Punent, taħt l-Awtorità Palestinjana.
L-istqarrija laqgħet ukoll il-wegħdiet li għamel il-President tal-Awtorità Palestinjana x-xahar li għadda, meta kkundanna l-attakki terroristiċi tas-7 ta’ Ottubru 2023, talab għall-ħelsien tal-ostaġġi u għad-diżarm ta’ Hamas, u esprima l-impenn tiegħu għal riformi fl-edukazzjoni u sabiex isejjaħ elezzjonijiet fi żmien sena, li jwasslu għal tiġdid ġenerazzjonali, hekk kif aċċetta wkoll il-prinċipju ta’ Stat Palestinjan demilitarizzat.
Id-delegazzjoni Maltija għall-Konferenza tan-Nazzjonijiet Magħquda dwar is-Soluzzjoni taż-Żewġ Stati fi New York kienet immexxija mis-Segretarju Permanenti fil-Ministeru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu, Christopher Cutajar.
Meta kien qed jagħmel l-istqarrija ta’ Malta waqt il-Konferenza, Cutajar tenna l-intenzjoni ta’ Malta li tirrikonoxxi l-Istat tal-Palestina matul l-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Magħquda f’Settembru.
Other Press Releases:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN