STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-ISPEAKER U MILL-MINISTERU GĦALL-AKKOMODAZZJONI SOĊJALI U AFFORDABBLI Studju dwar tiswijiet meħtieġa fuq il-binja tal-Parlament u t-Teatru Rjal
Fil-ġimgħat li ġejjin se jitnieda studju estensiv dwar it-tiswijiet neċessarji fil-binja tal-Parlament ta’ Malta kif ukoll fuq it-Teatru Rjal. Il-binja tal-Parlament kienet ġiet inawgurata nhar l-4 ta’ Mejju 2015 u wara għaxar snin, bħal kull binja oħra, ikollha bżonn tiswijiet u manutenzjoni.
F’konferenza tal-aħbarijiet, l-Ispeaker tal-Kamra tad-Deputati Anġlu Farrugia u l-Ministru għall-Akkomodazzjoni Soċjali u Affordabbli Roderick Galdes taw tagħrif dwar x’hemm ippjanat sabiex jibda dan l-istudju estensiv li se jkun ikkordinat mill-Malita Investments plc.
L-Ispeaker esprima s-sodisfazzjon tiegħu għall-koperazzjoni sħiħa u s-sensittività li wrew l-awtoritajiet responsabbli, u rringrazzja b’mod speċjali lill-Ministru Galdes li aġixxa b’mod immedjat dwar in-neċessità ta’ dan l-istudju u mexxa ’l quddiem b’determinazzjoni sabiex jinbeda mingħajr dewmien. Qal li l-proċess mhux se jfixkel il-ħidma tal-Kamra u tal-kumitati tagħha, u għalhekk il-ħidma parlamentari se tkompli bla xkiel.
Huwa saħaq li l-interess ewlieni tiegħu jibqa’ li jinżamm livell massimu ta’ sigurtà fl-ambjent tal-Parlament – kemm għall-Membri Parlamentari u għall-impjegati, kif ukoll għall-pubbliku li jidħol fil-binja.
Min-naħa tiegħu l-Ministru Roderick Galdes ħabbar li Malita Investments plc diġà ħatret diversi esperti tekniċi u Periti sabiex jieħdu ritratt tas-sitwazzjoni kif ukoll janalizzaw x’tiswijiet u manutenzjoni hemm bżonn li jsiru fil-binja tal-parlament u fit-Teatru Rjal. “Mill-istudji rridu naraw xi kkaġuna dawn il-ħsarat, nirranġawhom u nipprevjenu milli jerġgħu jitfaċċaw fis-snin li ġejjin,” stqarr il-Ministru Galdes.
Il-Ministru Galdes semma wkoll li l-kumpanija ta’ Renzo Piano, li ddisinjat il-Parlament ta’ Malta, tat l-approvazzjoni tagħha sabiex jittieħdu miżuri biex jitħejja dan l-istudju. Huwa spjega li l-investigazzjonijiet se jibdew eżatt kif il-Parlament jieqaf għall-btajjel tas-sajf.
Kemm l-Ispeaker Farrugia kif ukoll il-Ministru Galdes saħqu dwar l-importanza li binja ikonika u kontemporanja bħal dik tal-Parlament, li sservi ta’ simbolu għall-istat demokratiku, ma titħalliex tiddeterjora b’mod li twassal għal ħsarat irreparabbli.
Other Press Releases:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN