STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INTERN, IS-SIGURTÀ, U X-XOGĦOL Kap Eżekuttiv ġdid għall-Aġenzija Identità
Il-Kurunell Edric Zahra nħatar bħala Uffiċjal Kap Eżekuttiv ġdid tal-Aġenzija Identità
Il-Kurunell Edric Zahra twieled fil-15 ta' Marzu 1978. Huwa attenda l-iskola ta' San Alwiġi fejn wara kompla bl-istudji tiegħu fl-Università ta' Malta fejn gradwa b'Diploma fl-iSports, Baċellerat fil-Ġeografija u l-Antropoloġija, Baċellerat fil-Liġi, Masters fl-Istudju tal-Malti, u Masters fl-Avukatura. Huwa gradwa wkoll mill-Istitut Internazzjonali tal-Liġi Marittima b'Advanced Diploma fil-Liġi Marittima u mill-Kulleġġ Navali Amerikan b'Diploma fl-iStrategy and War, Theatre Security Decision Making, u fil-Joint Maritime Operations.
Il-Kurunell Edric Zahra ingaġġa fil-Forzi Armati fl-1999, u wara taħriġ bażiku f'Malta, attenda l-Kors l-Allievi Ufficiali di Complemento fl-iScuola di Comunicazzioni, Cecchiniola, fl-Italja. Bħala logutenent, Zahra attenda kors ta' formazzjoni ġewwa The Basic School (TBS), US Marine Corps, Virginia, l-Amerika, u wara beda jitħarreġ bħala infantier billi attenda l-US Marine Corps Infantry Officer Course (IOC) fl-istess skola. Hemmhekk Zahra klassifika mal-aħjar għaxar studenti fost il-kandidati kollha tal-Kors.
Matul il-karriera tiegħu, il-Kurunell Zahra attenda għal taħriġ f'diversi akkademji barra minn xtutna fosthom fix-Ship Boarding Techniques fil-US Law Enforcement Academy, South Carolina, l-Amerika, fil-US Department of Defense, Garmisch-Partenkirchen, fil-Ġermanja, u fin-NATO Maritime Interdiction Operational Training Centre, Suda Bay, l-Greċja. It-taħriġ speċjalizzat kien jinkludi l-Peace keeping, it-Terroriżmu u l-istudju fuq is-Sigurtà, kif ukoll l-Infurzar Marittimu. Matul il-karriera tiegħu, Zahra attenda wkoll diversi korsijiet ma' qawwiet speċjalizzati fl-Italja, l-Iżvizzera, fil-Ġermanja u l-Ġreċja.
B'iktar minn ħamsa u għoxrin sena servizz fil-Forzi Armati ta' Malta, il-Kurunell Edric Zahra okkupa pożizzjonijiet kemm operattivi kif ukoll amministrattivi f'Malta u saħanistra barra minn Malta. Fosthom il-kariga ta' Assistant Adjutant għall-Kmandant tal-Ewwel Reġiment, Platoon Commander ġewwa C-Company fi ħdan l-Ewwel Reġiment, Uffiċjal inkarigat mir-Rapid Deployment Team, u l-laneċ tas-Search and Rescue, Uffiċjal Eżekuttiv (second-in-command) tal-Lanċa P61 fil-Maritime Squadron, Uffiċjal Kmandant tal-B Company tal- Ewwel Reġiment, Staff Officer responsabbli mis-Civil Military Cooperation tal-FAM, u f'dawn l-aħħar ħames snin serva bħala Kmandant tal-Ewwel Reġiment.
Il-Kurunell Edric Zahra kien ukoll wieħed mil-letturi fil-Maritime Safety and Security Training Centre tal-FAM, kif ukoll serva bħala Chairperson ta' diversi Bordijiet li jinkludu x-xiri ta' apparat militari fost oħrajn. Zahra ngħata wkoll il-midalja tas-servizz twil u effiċjenti.
Apparti l-esperjenza fil-Forzi Armati ta' Malta, il-Kurunell Zahra ħadem bħala għalliem f'varji livelli akkademiċi fi skejjel tal-gvern u tal-knisja. Għal diversi snin, il-Kurunell Edric Zahra kien ukoll involut fil-industrija tal-isport billi kien parti mill-coaching staff jew mill-istaff mediku kemm fuq livell Nazzjonali kif ukoll fuq livell reġjonali.
Il-Ministru Byron Camilleri feraħ lill-Kurunell Edric Zahra għall-irwol ġdid li ngħata f'din l-aġenzija, filwaqt li rrimarka li bil-kapaċitajiet u l-esperjenza tiegħu se jkompli jmexxi lill-Aġenzija 'l quddiem, filwaqt li rringrazzja wkoll lis-Sur Steve Agius għall-ħidma importanti li għamel fl-Aġenzija Identità fl-aħħar snin.
Other Press Releases:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN