STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INKLUŻJONI U L-VOLONTARJAT Rekord ta’ persuni b’diżabilità konxji mid-drittijiet tagħhom
Miġbura lura aktar minn 1,300 blue badge; Kampanja edukattiva oħra dwar rispett lejn persuni b’diżabiltà
Il-Ministru għall-Inklużjoni u l-Volontarjat Julia Farrugia ġiet ippreżentata bir-rapport ta’ ħidma tal-Kummissjoni għad-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità (CRPD) għas-sena 2024 mill-Kummissarju tas-CRPD Rhoda Garland.
Matul is-sena li għaddiet, is-CRPD ġabret lura aktar minn 1,300 Blue Badge li kienu skadew u ma ġewx irritornati. Dan filwaqt li l-uffiċċju tal-infurzar fi ħdan il-Kummissjoni investiga aktar minn 250 rapport dwar abbuż tal-blue badge/blue bays, u kkonfiskaw 53 Blue Badge foloz li kienu qed jintużaw ukoll illegalment.
Is-CRPD irċeviet ukoll madwar 500 rapport ta’ allegat diskriminazzjoni abbażi ta’ diżabilità, li kienu relatati ma’ kwistjonijiet ta’ aċċessibilità; edukazzjoni; il-forniment ta’ oġġetti, servizzi u faċilitajiet; l-impjieg; kif ukoll ksur tad-drittijiet ta’ persuni b’diżabilità. Is-CRPD investigat dawn l-ilmenti fejn kien hemm ċertu każijiet li ġew magħluqa b’suċċess wara li nstabu soluzzjonijiet jew twettqu passi konkreti favur il-persuni b’diżabilità; ċertu każijiet ġew miċħuda wara li nstab li ma kienx hemm diskriminazzjoni; filwaqt li oħrajn għadha għaddejja ħidma fuqhom biex jiġu indirizzati b’mod konkret.
Matul is-sena li għaddiet, il-Kummissjoni mexxiet jew issieħbet ukoll f’ħames proġetti Ewropej relatati mad-diżabilità u tat sessjonijiet ta’ taħriġ dwar l-ugwaljanza fid-diżabilità lil aktar minn 3,600 persuna.
Il-Ministru Julia Farrugia sostniet, “Il-fatt li qed naraw numru rekord ta’ rapporti ta’ allegat diskriminazzjoni juri biċ-ċar li aktar persuni b’diżabilità u l-familji tagħhom qed isiru aktar konxji mid-drittijiet li għandhom. Dan hu riżultat dirett tal-kampanji kontinwi ta’ informazzjoni li l-Ministeru, flimkien mal-Kummissjoni għad-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità, ilu jwettaq b’mod konsistenti matul is-snin. Il-ħidma tagħna ma tiqafx biss mal-għarfien, iżda tkompli wkoll bl-għoti ta’ appoġġ, informazzjoni u mezzijiet konkreti biex il-persuni b’diżabilità jkunu jistgħu jitolbu dak li hu dovut lilhom. Din l-istatistika tikkonferma wkoll li l-viżjoni tagħna lejn soċjetà aktar inklussiva qed issir realtà, fejn kulħadd għandu vuċi u fejn id-drittijiet ta’ kull individwu huma rispettati u protetti.”
Il-Ministru Farrugia ħabbret ukoll li mil-lum qed tiġi mnedija kampanja edukattiva oħra dwar kif kull ċittadin, fil-ħajja tiegħu ta’ kuljum u b’mod prattiku, jista’ jkun aktar responsabbli biex ma jaffettwax b’mod negattiv persuni b’diżabilità.
Il-Kummissarju Rhoda Garland spjegat kif tul l-2024, kien hemm żieda ta’ 29% fir-rapporti illi l-Kummissjoni rċeviet fuq is-sena preċedenti. Kompliet tispjega li l-liġi tagħti s-setgħa lis-CRPD biex tinvestiga l-ilmenti li tirċievi dwar ksur ta’ drittijiet li jirriżultaw minn diskriminazzjoni, li tinforza dawn id-drittijiet kif ukoll biex tippromwovi, tipproteġi u tissorvelja l-implimentazzjoni tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità.
Other Press Releases:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN