STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AMBJENT, L-ENERĠIJA U L-INDAFA PUBBLIKA U MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI GĦAŻ-ŻGĦAŻAGĦ, IR-RIĊERKA U L-INNOVAZZJONI
Tnedija tas-sitt sejħa għal proġetti ta’ riċerka u innovazzjoni fil-qasam tal-enerġija u l-ilma
Investiment ta’ €2 miljun f’15-il proġett kollaborattiv
Il-Ministeru għall-Ambjent u l-Enerġija flimkien mas-Segretarjat Parlamentari għar-Riċerka u l-Innovazzjoni nedew is-sitt sejħa tal-iskema tar-Riċerka u Innovazzjoni (R&I) tal-Aġenzija għall-Enerġija u l-Ilma (EWA), skema nazzjonali ta’ għotjiet maħsuba biex tappoġġja riċerka kollaborattiva li tindirizza l-akbar sfidi ta’ Malta fil-qasam tal-enerġija u l-ilma.
Minn mindu tnediet fl-2020 l-iskema diġà allokat aktar minn €2 miljun fi 15-il proġett, li wasslu għal soluzzjonijiet konkreti li jikkontribwixxu għall-għanijiet ta’ sostenibbiltà ta’ pajjiżna.
Dan tħabbar mill-Ministru Miriam Dalli u s-Segretarju Parlamentari Keith Azzopardi Tanti waqt żjara li saret għand Abertax. Abertax hija waħda mill-benefiċjarji tas-snin preċedenti u ħadmet fuq soluzzjonijiet innovattivi fil-qasam tal-enerġija u l-ilma f’kollaborazzjoni mal-Università ta’ Malta.
Il-Ministru Dalli faħħret l-impatt li kellha l-iskema u qalet, “Permezz ta’ din l-iskema, irnexxielna ngħinu lir-riċerkaturi u l-intraprendituri biex jittrasformaw l-ideat tagħhom f’soluzzjonijiet konkreti, mill-immodernizzar tal-kwalità tal-ilma tax-xorb, għall-iżvilupp ta’ enerġija rinnovabbli offshore u l-użu mill-ġdid ta’ batteriji tal-vetturi elettriċi. B’aktar minn €2 miljun investiti f’15-il proġett, l-iskema appoġġjat firxa wiesgħa ta’ benefiċjarji li lkoll jindirizzaw il-prijoritajiet ta’ pajjiżna fil-qasam tal-adattament għall-klima, l-effiċjenza fl-ilma u l-operat sostenibbli. M’aħniex biss qed infasslu riċerka, imma qed insaħħu wkoll l-ekosistema tar-riċerka f’Malta u nħeġġu aktar kollaborazzjoni biex nindirizzaw l-isfidi tal-lum u ta’ għada.”
Is-sitt sejħa fetħet illum b’baġit totali ta’ €400,000 u tibqa’ miftuħa sas-26 ta’ Settembru 2025. Il-proġetti eliġibbli għandhom jindirizzaw waħda mis-sitt oqsma ta’ prijorità identifikati għal rilevanza tagħhom għall-bżonnijiet attwali ta’ Malta, fosthom sistemi għal użu mill-ġdid tal-ilma griż, irrigazzjoni aktar effiċjenti fl-agrikoltura, integrazzjoni ta’ enerġija rinnovabbli, sistemi intelliġenti biex jinstabu tnixxijiet, u teknoloġiji ta’ dekarbonizzazzjoni fil-bini.
Is-Segretarju Parlamentari Keith Azzopardi Tanti laqa’ t-tnedija tas-sejħa u qal, “Din l-iskema tkompli turi kif l-innovazzjoni, imsaħħa b’investiment immirat, tista’ toħloq soluzzjonijiet li jibbenefikaw is-soċjetà u l-ekonomija tagħna. Billi ngħinu lir-riċerkaturi u ż-żgħażagħ innovaturi biex jaħdmu flimkien, qed ninvestu fil-kompetittività u s-sostenibbiltà tal-futur ta’ Malta.”
L-iskema tagħmel parti mill-Pjattaforma RINEW, li tħeġġeġ soluzzjonijiet ibbażati fuq ir-riċerka u tippromwovi l-kollaborazzjoni bejn l-akkademja, l-industrija u s-settur pubbliku. Maż-żmien l-iskema żviluppat biex toffri aktar appoġġ lill-applikanti, b’finanzjament massimu ogħla għal kull proġett, aktar ħin biex jiġu żviluppati prototipi aktar avvanzati, u b’rekwiżit li l-proposti jiġu minn konsorzji.
Manuel Sapiano, Kap Eżekuttiv tal-Aġenzija għall-Enerġija u l-Ilma, enfasizza d-domanda dejjem tikber għall-iskema: “Kull sena naraw aktar interess f’din l-iskema, li tirrifletti d-determinazzjoni tal-komunità tar-riċerka f’Malta. Huwa ta’ sodisfazzjon li naraw nies minn setturi differenti jingħaqdu flimkien biex jindirizzaw l-isfidi, u aħna kburin li l-Aġenzija tista’ tgħin biex dawn il-kollaborazzjonijiet isiru realtà.”
Matul l-avveniment, Abertax uriet ir-riżultati miksuba permezz tal-proġetti ffinanzjati minn sejħiet preċedenti, fosthom ReUse, li żviluppa proċessi innovattivi biex jiġu ttestjati u użati mill-ġdid batteriji skartati ta’ vetturi elettriċi, u PvPro, li ħoloq sistema għal tisħin tal-ilma u mmaniġġjar tal-enerġija bbażata fuq l-enerġija rinnovabbli. Iż-żewġ proġetti saru f’kollaborazzjoni mal-Università ta’ Malta.
L-Aġenzija għall-Enerġija u l-Ilma ħabbret ukoll li se tkun qed tagħti dettalji dwar ir-riżultati tas-sejħa tal-ħames edizzjoni fil-jiem li ġejjin.
Dettalji sħaħ tas-sitt sejħa, inkluż ir-Regoli għall-Parteċipazzjoni, jinsabu fuq is-sit elettroniku tal-Aġenzija għall-Enerġija u l-Ilma: https://energywateragency.gov.mt/. Għal aktar tagħrif, dawk interessati jistgħu jikkuntattjaw direttament lill-Aġenzija fuq rni-energywateragency@gov.mt.
Other Press Releases:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN