STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INTERN, IS-SIGURTÀ U X-XOGĦOL Malta Labour Migration Policy: Mill-konsultazzjoni, għall-implimentazzjoni
Il-miżuri jibdew jidħlu fis-seħħ mill-1 ta’ Awwissu
Mill-1 ta’ Awwissu ser tibda tidħol fis-seħħ il-Malta Labour Migration Policy, bl-ewwel tnax-il miżura ser jgħaddu għall-fażi ta’ implimentazzjoni. Miżuri oħra ser ikunu implimentati fix-xhur ta’ wara biex għalhekk matul din is-sena ser ikunu ġew implimentati 20 miżura. Dan ser isir b’mod gradwali.
Dan wara li f’Jannar ta’ din is-sena, il-Ministeru għall-Intern, is-Sigurtà u x-Xogħol nieda dokument għall-konsultazzjoni pubblika dwar is-sehem tal-ħaddiema minn pajjiżi terzi fis-suq tax-xogħol Malti. Bl-aħħar xhur kienu xhur ta’ konsultazzjoni pubblika, bil-laqgħat komplew sejrin lil hinn mill-perjodu statutorju tal-istess konsultazzjoni.
F’konferenza tal-aħbarijiet li fiha ġie spjegat li wara l-konsultazzjoni, issa l-implimentazzjoni, il-Ministru Byron Camilleri tenna li l-Gvern huwa determinat li jilħaq l-għanijiet tal-erba’ prinċipji mfassla, li mill-konsultazzjoni pubblika rriżulta li l-għanijiet ta’ din il-politika ġdida ntlaqgħu mill-imsieħba soċjali u mill-pubbliku inġenerali. Bid-diskussjonijiet li segwew kienu iktar iffokati fuq id-dettall, dwar kif dak propost jista’ tassew jaħdem fil-prattika u jkun effettiv.
Dan kollu, fi kliem il-Ministru, biex tkun assigurata implimentazzjoni effettiva li tħalli r-riżultati u jintlaħqu l-prinċipji tal-Malta Labour Migration Policy li huma l-istabbiltà, id-drittijiet tal-ħaddiema, kontrolli biex jiġu fejn hemm bżonn biss u investiment fil-ħiliet.
Il-Ministru Camilleri spjega li l-ekonomija tal-lum għandha bżonnijiet differenti minn ta’ meta kellna l-problema tal-qgħad, qabel il-bidla fil-gvern.
“Iżda nafu wkoll li l-isfidi l-ġodda l-poplu jippretendi mingħandna li nindirizzawhom. Hekk qegħdin nagħmlu wkoll. B’konsultazzjoni, b’diskussjoni iżda finalment bis-saħħa li nieħdu d-deċiżjonijiet bħala gvern li joffri stabbiltà u direzzjoni ċara għal dan il-pajjiż.”
Huwa tenna li ebda pajjiż u ebda soċjetà mhi l-istess illum bħalma kienet għaxar snin ilu. Għalhekk huwa l-obbligu tal-Gvern li jaġġorna l-politika tiegħu biex jilqa’ għall-ħtiġijiet tal-lum u tal-futur.
“U dak li qed inħabbru llum m’hemmx dubju li jilħaq dan il-għan b’mod ċar. Ma konniex populisti. Ma ġejniex nipproponu xi ħaġa li konsegwenza tagħha l-Maltin ma jkollhomx is-servizzi li jeħtieġu. Imma qed nimplimentaw riforma li tiġġieled l-abbuż u tiddirezzjona lejn il-kwalità. Għax nemmnu f’Malta bħala pajjiż li jiġbed talent ta’ kwalità, iżda b’mod bilanċjat.”
Il-Ministru Byron Camilleri sostna li t-twemmin tal-Gvern hu li kull ħaddiem, hu min hu, minn fejn ġej, għandu jkollu d-drittijiet tiegħu mħarsa. Iżda żied li l-Gvern jirrappreżenta lill-Maltin u l-Għawdxin u li nilludu ruħna jekk naħsbu li meta jkun hawn min iżid id-dipendenza fuq ħaddiema barranin għax jemmen li tista’ tiġih irħas ma jkunx affettwat ukoll il-ħaddiem Malti.
Ikkonkluda li għaldaqstant drittijiet msaħħa għal kulħadd tfisser suq tax-xogħol ġust, fejn anke il-Malti ma jiġix żvantaġġat.
Għal aktar tagħrif tnediet ukoll il-Helpline 153, u jintgħażel in-numru 19. Dan bħala parti minn l-impenn għat-trasparenza, biex min iħaddem ikun jista’ jitlob informazzjoni dwar l-istatus tagħhom jew dwar applikazzjonijiet futuri.
L-implimentazzjoni tal-miżuri mill-1 ta’ Awwissu
1. Stabbiliti rati minimi ta’ terminazzjoni qabel applikazzjonijiet ġodda
Se jkun hemm monitoraġġ kontinwu tar-rati ta’ terminazzjoni. Min ikun qed jaqbeż dawn ir-rati eventwalment ma jistax japplika għal ħaddiema ġodda minn pajjiżi terzi. Fil-bidu Jobsplus se tavża lill-applikanti jekk il-limiti jkunu qed jinqabżu u se jiġi adottat stil gradwali biex is-suq jiġi allinjat ma’ livelli aċċettabbli. It-tħaddim gradwali ta’ din l-inizjattiva hu mifrux fuq perjodu ta’ tnax-il xahar. (PRINĊIPJI: 1,2,3)
2. L-obbligu li tirreklama l-opportunità ta’ xogħol
Se jissaħħaħ l-obbligu li opportunità ta’ xogħol l-ewwel tkun reklamata f’Malta kif ukoll fuq is-sistemi ta’ opportunitajiet ta’ xogħol fl-Unjoni Ewropea. Irid ikun hemm provi ta’ dan qabel wieħed japplika għall-ħaddiema minn pajjiżi terzi. (PRINĊIPJU: 3)
3. Tkeċċijiet
Min ikeċċi ħaddiema bla raġuni fit-tnax-il xahar ta’ qabel mhux se jkun jista’ japplika għall-ħaddiema ġodda minn pajjiżi terzi għall-istess pożizzjoni. (PRINĊIPJI: 2,3)
4. Sottomissjoni fil-ħin tal-formoli ta’ impjieg u terminazzjoni
Dawn il-formoli jridu jibdew jiġu sottomessi fil-ħin bil-għan li jkun hemm stampa iktar ċara tas-sitwazzjoni u jiġi miġġieled l-abbuż. Se jibda wkoll proċess gradwali ta’ regolarizzazzjoni. (PRINĊIPJI: 2,3)
5. Konformità mal-Att dwar il-Persuni b’Diżabilità (Impjieg)
Filwaqt li l-awtoritajiet dejjem jieħdu l-passi meħtieġa biex kulħadd ikun konformi mal-obbligi li joħorġu minn dan l-att, min ma jkunx konformi mhux se jkun jista’ japplika għall-ħaddiema minn pajjiżi terzi. (PRINĊIPJU: 2)
6. Reviżjoni fil-miżati mħallsa
Se jkun hemm bidla fil-miżati mħallsa. Il-prezz għall-ħaddiema ġodda se jirdoppja, bl-eċċezzjoni ta’ setturi bħas-saħħa, u l-kura tal-anzjani u l-persuni b’diżabbiltà, filwaqt li tiġdid ser jonqos bin-nofs. Din hija miżura favur l-istabbiltà. (PRINĊIPJI: 1,3)
7. ‘Grace Period’ itwal f’Malta wara tmiem ta’ impjieg
Persuni li jkunu qed jaħdmu f’Malta u jkollhom l-impjieg tagħhom itterminat se jingħataw perjodu ftit itwal biex jilħqu jsibu impjieg alternattiv, dan bil-għan li persuni li diġà jafu l-Malta jiġu preferuti minn ħaddiema li jiġu ġodda. Naturalment, jekk wara dan il-perjodu wieħed ma jkollux impjieg alternattiv ikun meħtieġ li jħalli Malta. (PRINĊIPJI: 1,2)
8. Livelli ġodda ta’ salarji marbuta mal-Key Employment Initiative u s-Single Employment Initiative
Fil-każ tal-KEI dan se jitla’ għal €45,000 u fil-każ tal-SEI għal €30,000. (PRINĊIPJU: 4)
9. Restrizzjonijiet ġodda għal min ma jiġix b’Visa tax-xogħol
Persuni li jiġu f’Malta b’visa li mhix marbuta max-xogħol, bħal dik ta’ turist, mhux se jkunu jistgħu japplikaw għal single permit. Din biex ikun hemm ċarezza u fis-suq tax-xogħol jidħol min ġie biex jaħdem. Eċċezzjonijiet rari japplikaw kif spjegat fid-dokument. (PRINĊIPJU: 3)
10. Verifiki mat-tiġdid
Se jiddaħħlu u jissaħħu verifiki li jassiguraw li l-obbligi skont il-kuntratti tax-xogħol u l-liġi qed jinżammu. (PRINĊIPJI: 2,3)
11. Limitu ta’ TCNs
Se jidħol fis-seħħ mekkaniżmu li jorbot l-applikazzjonijiet għall-ħaddiema minn pajjiżi terzi man-numru ta’ persuni jaħdmu fil-kumpanija li tkun qed tagħmel l-applikazzjoni. (PRINĊIPJI: 1,3)
12. Familji u partners
Persuni li qegħdin f’Malta għax jinsabu f’relazzjoni stabbli ma’ persuni Maltin jew huma ġenituri ta’ tfal Maltin taħt it-23 sena se jkunu eżenti mill-proċess tas-Single Permit, filwaqt li tibqa’ rikjesta l-liċenzja tax-xogħol (PRINĊIPJI: 1,2)
L-implimentazzjoni tal-miżuri mill-1 ta’ Ottubru:
1. Salarji fil-kont tal-bank jew b’mod elettroniku
Is-salarji ta’ ħaddiema minn pajjiżi terzi li jkunu ġew irreġistrati mill-1 ta’ Awwissu 2025 jridu jsiru b’mod elettroniku. (PRINĊIPJU:2)
2. Permess temporanju għal ħaddiema li ġejjin minn pajjiżi li ma jeħtiġux visa
Ħaddiema li ġejjin minn pajjiżi terzi li ma jeħtiġux visa se jingħataw permess temporanju sakemm it-talba għas-single permit tagħhom tkun qed tiġi proċessata. Dan jekk ikunu applikaw fl-ewwel sittin jum tagħhom f’Malta. Dawk li japplikaw wara s-60 ġurnata iridu jistennew l-eżitu barra miż-żona Schengen. (PRINĊIPJU: 3)
3. Vittmi tat-traffikar tal-bnedmin
Persuni li huma meqjusa bħala vittmi ta’ traffikar tal-bnedmin, mhux se jkunu qed iħallsu miżati mal-awtoritajiet. (PRINĊIPJU: 2)
Ħames miżuri b’implimentazzjoni kontinwa:
1. Assessjar ta’ fejn hemm nuqqas jew eċċess fis-suq tax-xogħol
Jobsplus se tkompli tanalizza l-ħtiġijiet fis-suq tax-xogħol. (PRINĊIPJU 3)
2. Titjib fil-ħiliet
Jobsplus toffri programm vast ta’ taħriġ biex jitjiebu l-ħiliet, iktar programmi se jkunu mnedija fiż-żmien li ġej. (PRINĊIPJU 4)
3. Skills Card
Se jkun hemm estensjoni b’mod gradwali. (PRINĊIPJU 4)
4. Sħubija strateġika
Se jkun hemm sħubija strateġika maħsuba biex tilħaq l-għanijiet ta’ din il-politika. Jitħabbru iktar dettalji la jintlaħqu iktar ftehimiet. (PRINĊIPJU 4)
5. Lista’ ta’ pajjiżi b’riskju
Se jkun hemm lista li tiġi aġġornata regolarment ta’ pajjiżi fejn ikunu meqjusa ta’ riskju għoli u għalhekk ma jkunx aċċettat applikazzjonijiet minn ċittadini tagħhom. (PRINĊIPJU 3)
Flimkien ma’ din l-istqarrija qiegħed jiġi anness id-dokument ta’ implimentazzjoni.
Other Press Releases:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN
PR251253d.pdf