STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAL GĦAWDEX U L-IPPJANAR: Jitħabbar l-avveniment 'Still I Create' – Ċelebrazzjoni ta' Kreattività u Reżiljenza
Il-Ministru għal Għawdex u l-Ippjanar Clint Camilleri flimkien mal-President Emeritus Marie-Louise Coleiro Preca ħabbru li se jittella' l-avveniment 'Still I Create' fil-25 ta' Lulju li ġej fil-Waterfront ta' Marsalforn. Waqt l-istess attività se jitnieda wkoll il-ktieb 'Il-Passjoni tad-Dipressjoni', ġabra ta' poeżiji miktuba minn George Portelli u illustrata minn Emma Agius.
Dan l-avveniment artistiku u soċjali għandu l-għan li jiċċelebra l-ispirtu kreattiv, partikolarment fi żminijiet ta' sfida personali. Matul din is-serata, se jiġu preżentati poeżiji u se jkun hemm diversi interventi artistiċi li juru kif il-kreattività tista' sservi bħala għodda ta' fejqan, komunikazzjoni u għaqda bejn il-bnedmin. Il-ktieb li se jitnieda jirrifletti b'mod profond fuq l-esperjenza ta' dawk li jgħixu bil-kundizzjoni tad-dipressjoni, u jirnexxielu jgħaqqad kliem u immaġni biex jitfa' dawl fuq realtà spiss injorata u stigmatizzata.
F'dan il-kuntest, il-Ministru Clint Camilleri tenna l-impenn tal-Gvern li jkompli jaħdem biex jitneħħa t-tabù li għadu jeżisti fuq is-saħħa mentali u faħħar inizjattivi bħal din li jsaħħu l-kuxjenza soċjali dwar dan is-suġġett. Huwa stqarr, “Bħala Gvern, irridu nibqgħu nwasslu messaġġ ċar li l-għajnuna teżisti, u ħadd m'għandu jbati waħdu. Dan diġà għamilnieh meta ftaħna Dar il-Kantuniera. Inizjattivi bħal dan l-avveniment 'Still I Create' u l-ktieb 'Il-Passjoni tad-Dipressjoni' għandhom valur doppju, mhux biss artistiku, iżda wkoll uman għax juru kif il-kreattività tista' tkun mezz ta' fejqan, solidarjetà u tama".
Il-President tal-Malta Trust Foundation Marie Louise Coleiro Preca faħħret din l-inizjattiva u qalet li, “It-tnedija ta' dan il-ktieb hija ċelebrazzjoni tal-kuraġġ, il-kreattività, u r-reżiljenza ta' żgħażagħ li esperjenzaw sfidi ta' saħħa mentali u għażlu li jaqsmu l-vjaġġ tagħhom permezz tal-poeżija u l-arti. Inizjattivi bħal dawn jgħinu biex ikissru l-istigma marbuta mas-saħħa mentali, u juru li kull persuna tista' tilħaq l-aspirazzjonijiet tagħha. Il-Malta Trust Foundation hija kburija li qed tikkollabora mal-Ministeru għal Għawdex u l-Ippjanar fuq diversi inizjattivi importanti, fosthom dawk dwar is-saħħa mentali minn perspettiva soċjali, li jpoġġu d-dinjità, l-empatija, u l-inklużjoni fil-qalba ta' kulma nagħmlu".
Il-Ministru Clint Camilleri temm billi feraħ lil George Portelli u lil Emma Agius għal dan il-kontribut artistiku u soċjali kuraġġuż li jħalli impatt, filwaqt li stieden lil kulħadd jingħaqad għal dan l-avveniment li jgħaqqad il-kreattività u s-sostenn għal xulxin.
Ritratti (MGP)
Other Press Releases:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN